Lokali

IL-QTIL TA’ CARUANA GALIZIA: Ifeġġ isem Sandro Craus; il-middleman kien ingħata job…u mħallas minn Kastilja

Yorgen Fenech allegatament qal lil Melvin Theuma "ara jiġrix bħal Romeo Bone u tibqa' ħajja"

Kien Sandro Craus, is-Sindku Laburista tar-Rabat li jaħdem f’Kastilja, illi laqqa’ lill-middleman Melvin Theuma ma’ Keith Schembri. Jidher li b’kollox Melvin Theuma kellu żewġ laqgħat mal-eks Chief of Staff ta’ Muscat; waħda f’Kastilja u l-oħra Ħaż-Żebbuġ fejn kellhom ikla flimkien.

Dawn id-dettalji ġodda ħarġu dalgħodu fil-Qorti, fil-kumpilazzjoni kontra Alfred u George Degiorgio u Vincent Agius fejn kien konfermat li Theuma kien ingħata job mal-Gvern. L-aħwa Degiorgio u Muscat qegħdin jiġu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Jidher li anke l-famuż ritratt li ħadu Keith Schembri u Melvin Theuma f’Kastilja, ittieħed mill-istess Sandro Craus. Schembri minn naħa tiegħu dawwar lil Theuma mal-uffiċini ta’ Kastilja u anke offrielu kafe’.

Ritratt: MaltaToday

Meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-aħwa Alfred u Vincent Degiorgio kif ukoll ta’ Vince Muscat, li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Theuma qal li Yorgen Fenech kien ukoll ċempillu u qallu li Sandro Craus, li jaħdem fl-uffiċċju tal-Prim Ministru kien ċempillu u qallu li kellu appuntament ma’ Keith Schembri – u biex imur l-għada ħalli jkellmu.

Theuma qal li hu kien mar Kastilja u sab lil Keith Schembri jistennih fit-taraġ. Ħa kafe miegħu u wara qagħad idawwru ma’ Kastilja, Wara qallu biex imur il-Ministeru ta’ faċċata tat-teatru mwaqqa u hemm kellu jkun hemm xi ħadd, li jirranġala għal impieg.

Ix-xhud qal li minkejja li hu qalilhom li ma jistax jaħdem għax diġa għandu x-xogħol, peress li jaħdem bħala xufier tat-taxi, staqsewh jekk kienx jaf jibgħat email…..u wieġeb fl-affermattiv. Wara għal madwar erba’ jew ħames darbiet beda jirċievi ċekk tal-paga, mingħajr qatt ma resaq lejn ix-xogħol. Dan iżda kien waqaf kollu ħesrem.

Melvin Theuma huwa l-persuna li ingħata l-proklama b’deċiżjoni diretta (waħdu) ta’ Joseph Muscat sabiex ikun jista’ jagħti l-informazzjoni kollha li jaf b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Mill-Qorti ħareġ ukoll illi Yorgen Fenech allegatament qal lil Melvin Theuma “ara jiġrix bħal Romeo Bone u tibqa’ ħajja”. Dan b’referenza għall-perijodu meta kien qed jitħejja l-pjan biex issir il-bomba tal-karozza ta’ Caruana Galizia.

L-attentat fuq il-ħajja ta’ Romeo Bone kien sar fi Frar tal-2017 meta l-karozza li kien qiegħed isuq splodiet fl-Imsida. Bone kien baqa’ ħaj wara dan l-attentat li sar fuqu, u rkupra minnu tant li illum reġa’ qed jimxi.

Fit-testimonjanza tiegħu, Melvin Theuma qal illi inħakem minn biża’ malli sar jaf mill-aħbarijiet illi kienet inqatlet Daphne Caruana Galizia. U spjega b’mod ċar illi kien Yorgen Fenech li pjana dan l-assassinju, ftit xhur biss qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017. Iżda malli tħabbret id-data tal-elezzjoni, Fenech kien qalilhom biex iżommu kollox għalissa.

It-Tnejn ta’ wara li ħareġ ir-riżultat elettorali, dejjem skont Theuma, Yorgen Fenech kien tah €150,000 f’envelope u qallu “dawn għad-delitt”. Għad-domandi tal-Ispettur Keith Arnaud, Theuma insista li Yorgen Fenech kien l-uniku mastermind f’dan l-assassinju.

Ħareġ ukoll illi Yorgen Fenech kien jaf bir-raid li sar fil-Marsa madwar tliet ijiem qabel dan seħħ, u li wassal għall-arrest tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat. Fenech kien fil-fatt informa lil Melvin Theuma li l-Pulizija kienu se jirrejdjaw lis-suspettati.

Waqt ix-xiehda, Melvin Theuma qal li b’mod regolari kien jgħaddi flus lit-tliet suspettati. Fenech kien saħansitra ħallas vaganza ta’ €5,000 lil Melvin Theuma u l-familja tiegħu minħabba li rah taħt stress kbir.

Melvin Theuma, qal li Yorgen Fenech għamillu pressjoni kbira biex jinforma repetutament il-qattiela, biex malajr kemm jista’ jkun jeħilsu mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Sadanittant Daphne Caruana Galizija kienet se tinqatel ftit qabel, iżda meta marru biex iwettqu l-omiċidju, kien hemm ‘road block’ tal-Pulizija, u l-pjan sfaxxa. Ir-raġuni wkoll li Yorgen Fenech, kien mgħaġġel biex il-ġurnalista tiġi eliminata kien peress li Fenech kien konxju li kienet se toħroġ storja fuqu mill-ġurnalista.

Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar il-Ħamis, 12 ta’ Diċembru fejn il-‘middleman’ se jkompli jirrispondi għad-domandi tal-investigatur l-Ispettur Keith Arnaud – u l-każ ikompli fis-7 ta’ Jannar li ġej fejn mistenni jkompli jixhed fil-każ.



Feġġ ukoll l-isem ta’ Mario Degiorgio, it-tielet minn fost l-aħwa Degiorgio illi regolarment kien jagħmel talbiet għal flus lil Fenech – tramite Malvin Theuma – fejn f’okkażjoni minnhom riedu €30,000 biex iħallsu lill-avukati. F’okkażjoni oħra, skont Theuma, Yorgen Fenech xtara kelb lil Mario Degiorgio li jiswa’ €5,000 u kien anke jixtrilhom il-laħam u ġbejniet.