Lokali

Joseph Muscat għandu jitlaq minnufih u b’hekk pajjiżna jibda jsewwi l-ħsara li saret

Mix-xhieda li nstemgħet illum fil-Qorti kompla joħroġ fiċ-ċar l-involviment tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruna Galizia. Melvin Theuma xehed bil-ġurament li gie mitlub immur Kastilja għal-laqgħa ma’ Keith Schembri. Wara li dawn it-tnejn tkellmu u ħadu ritratt flimkien, Keith Schembri għaddieh ma’ Sandro Craus uffiċjal ieħor fis-Segretarjat tal-Prim Ministru li offrilu kafè u xogħol mal-Gvern. Saħaq dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’messaġġ lill-poplu.

Ix-xhud li qed jixhed bi proklama qal li beda jirċievi l-paga avolja qatt ma mar għax-xogħol. Din ma kinitx l-unika darba li Melvin Theuma ltaqa’ ma’ uffiċjali mis-Segretarjat tal-Prim Ministru. Jirriżulta mix-xhieda tiegħu li żewġ uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru marru għand Melvin Theuma u talbuh jgħaddi messaġġ lit-tlett persuni li huma akkużati li għamlu l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Il-messaġġ lil dawn it-tlett persuni kien li għandhom jieqfu jitkellmu għax se jingħataw bail u miljun ewro kull wieħed. Waqt din il-laqgħa, wieħed minn dawn l-uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ċempel lil xi ħadd. Melvin Theuma jixhed u jgħid li fl-opinjoni tieghu t-telefonata saret lil Keith Schembri. Punt ieħor li ħareġ illum huwa li Melvin Theuma tramite Yorgen Fenech ġie nfurmat bil-quddiem bid-data meta l-Pulizija kellhom jagħmlu rejd, liema rejd kellu jwassal għall-arrest tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

Dawn it-tliet fatti jfissru ħaġa waħda biss, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru mhux biss huwa involut fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia imma huwa wkoll involut f’attentat biex il-ġustizzja f’dan il-każ ma sseħħx. Din hija l-konkluzzjoni li qed jasal għaliha pajjiżna u wkoll il-konklużjoni li qed tasal għaliha l-Unjoni Ewropea. Persuni fi ħdan il-Partit Laburista u persuni distinti flimkien ma’ numru kbir ta’ għaqdiet qed jitolbu għar-riżenja immedjata ta’ Joseph Muscat.

F’Malta hawn grupp żgħir ta’ nies li jistgħu jżommu milli tkompli ssir iżjed ħsara lil pajjiżna. Dawn huma d-Deputati tal-Gvern. L-appell tiegħi huwa lil dawn id-Deputati biex ineħħu lil Joseph Muscat minn Prim Ministru ta’ pajjiżna llum qabel għada.

Pajjiżna qiegħed f’salib it-toroq. Nistgħu nkomplu fi triq il-ħażina, triq li twassal għall-kollass totali tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Triq li twassal għat-telf tax-xogħol, triq li twassal biex il-ġustizzja ma sseħħx. It-triq l-ohra hija li jitlaq Joseph Muscat u b’hekk pajjiżna jibda jsewwi l-ħsara li saret. Dan huwa mument fejn irridu nħarsu pajjiżna, fejn irridu nħarsu l-interess nazzjonali.

F’ġieħ is-sewwa għamlu dak li Joseph Muscat m’għamilx minn jheddu. Pajjiżna jixraqlu aħjar.