Lokali

KONFERMA: Muscat ikkomunika ma’ Fenech

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li kompla jikkomunika ma’ Yorgen Fenech anke wara li kien infurmat li n-negozjant kien is-suspettat ewlieni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Wara li l-mexxej Laburista nkixef mis-sit Lovin Malta li kien jikkomunika miegħu regolarment permezz ta’ messaġġi, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkonferma l-aħbar. Dan sar fi twegibiet mibghuta lil The Malta Independent.

Madankollu, l-Ufficcju tal-Prim Ministru ma żvelax fiex kienu jikkonsistu dawn il-messaġġi.

Qabel inkixef li kien jikkomunika ma’ Fenech, Joseph Muscat kien iddikjara biss li hu ltaqa’ miegħu madwar sena ilu.

Dan ikompli jikxef r-rabta mill-qrib li l-mexxej Laburista u dawk vicin tiegħu kellhom ma’ Fenech, kif ukoll ikompli jixħet dubji dwar l-involviment tal-ogħla istituzzjonijiet f’pajjiżna f’dan il-kaz skandaluz.

Fl-aħħar jiem komplew jinkixfu provi li anke Keith Schembri, eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, kellu rabta mill-qrib kemm ma’ Yorgen Fenech kif ukoll mal-middleman Melvin Theuma.

Dan tal-aħħar deher f’ritratt ma’ Schembri waqt li kienu f’Kastilja u semmieh ukoll bħala wieħed minn dawk involuti fl-assassinju. Dan permezz ta’ ittra li hu kiteb meta kien qed jibża li se joqtluh.

Anke Yorgen Fenech allega li Keith Schembri kkuntattjah waqt l-investigazzjonijiet u prova jikkonvinċieh biex ma jikxfux. Din l-istorja qatt ma ġie miċħuda.

Yorgen Fenech saħansitra żvela li Keith Schembri pprova jattwa pjan li permezz tiegħu n-negozjant jaħrab minn Malta qabel ġie arrestat. Sa lejliet ipprova jħalli pajjiżna, Fenech allegatament kellu konverżazzjoni fit-tul ma’ Keith Schembri.

Minkejja dan kollu, il-Prim Ministru Joseph Muscat ippermetta li Keith Schembri jkompli jattendi laqgħat tas-Servizzi Sigrieti waqt li kien qed jiġi diskuss l-involviment ta’ Yorgen Fenech fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista nnota li dan kollu jikkonferma l-qrubija li Joseph Muscat kellu ma’ persuni li allegattament huma kriminali.  “Il-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat mhix aktar tenibbli u l-pajjiż ma jiflaħx jibqa’ jara r-reputazzjoni tinżel aktar ‘l isfel. Malta mhux korrotta, l-Maltin mhumiex korrotti imma għandna Gvern maħtuf u ostaġġ tal-kriminali,” sostna l-Partit Nazzjonalista.