Internazzjonali

L-Iran: Rouhani isejjaħ biex jinħelsu l-priġunieri innoċenti

Il-President tal-Iran, Hassan Rouhani, sejjaħ biex jinħelsu ‘il-persuni innocenti kollha’ li spiċċaw arrestati waqt il-protesti popolari kontra ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-fuel fil-pajjiż. Dan wara li l-Iran għadda minn ġimgħatejn ta’ taqlib iddominat mill-konfronti vjolenti.

L-inkwiet, li kien beda f’nofs-Novembru wara li l-Gvern Iranjan – bla l-ebda twissija – kien għolla l-prezzijiet tal-fuel b’madwar 300 fil-mija, infirex għal xi 100 belt tal-pajjiż, bl-azzjonijiet ta’ protesta, imbagħad, jassumu bixra politika fejn id-dimostranti żgħażagħ u l-ħaddiema insistew biex il-mexxejja (reliġjuż) Iżlamiċi jwarrbu mill-poter.

Intant, Rouhani issa qed iħeġġeġ ‘biex tintwera maħfra lin-nies innocenti li ma kenux armati meta ħarġu jipprotestaw dwar il-prezzijiet’ u li spiċċaw arrestati mill-qawwiet tas-sigurtà Iranjani.

Il-Mexxejja reliġjużi tal-Iran akkużaw ‘gruppi ta’ delinkwenti b’rabtiet mal-avversarji politiċi li qegħdin jgħixu fl-eżilju’ għall-aħħar inkwiet. Dan meta r-reġim f’Tehran ma żammx lura milli jakkuża wkoll lill-avversarji ewlenin tal-Iran – f’dan il-każ l-Istati Uniti, Iżrael u l-Arabja Sawdija – b’li pruvaw jixprunaw il-kaos fost l-Iranjani.

Għalkemm l-Iran ma pprovdiex data uffiċjali speċifika, il-grupp Amnesty Internazzjonali qal li ‘iddokumenta’ l-imwiet ta’ ‘il fuq minn 200 dimostrant waqt l-aħħar protesti fl-Iran. Dan ifisser li l-espressjoni pubbliku ta’ għadab dwar il-prezzijiet tal-fuel irriżultat fl-aktar żviluppi mdemmija fl-Iran mir-Rivoluzzjoni tal-1979 li kienet wasslet biex it-tmexxija tal-pajjiż jgħaddi għal idejn l-Iżlamiċi X’iti.