Lokali

L-NAO mħasseb b’numru ta’ anomaliji dwar kuntratti ta’ miljun ewro mogħtija mill-Ministeru tal-Intern

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) kkundanna lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali (MHAS), li f’dak iż-żmien kien immexxi minn Carmelo Abela, wara żewġ kuntratti mogħtija lil Infinite Fusion Technologies Ltd b’valur ta’ €1,087,322.

Din il-kumpanija suppost kellha tirranġa n-netwerk fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li ta’ spiss wassal għal interruzzjonijiet.

Madankollu, l-NAO nnota li “l-proċess ta’ ppjanar kien dgħajjef” kif ukoll li l-kordinament ineffettiv bejn is-CCF u l-MHAS fil-ġestjoni ta’ dawn il-bidliet ikkumplika n-nuqqasijiet identifikati.

L-Uffiċċju tal-Awditur, f’rapport li ppubblika wara investigazzjoni tiegħu, jiddikjara li l-Ministeru tal-Intern u s-Sigurta Nazzjonali, minflok uża kejl b’mod indipendenti tal-valur tax-xogħlijiet li kellhom isiru, qagħad fuq stimi ta’ kwantitajiet li għamel l-Infinite Fusion Technologies Ltd.

Barra minn hekk, l-MHAS naqas milli jikseb stimi oħra minn kuntratturi li kienu tal-fiduċja tiegħu. Dan kien iwassal għal aktar ċertezza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ value for money.

Anke l-mod kif sar ix-xogħol u l-mod kif saru l-ħlasijiet iqajjem tħassib, fosthom għax sar ħlas minkejja li x-xogħlijiet ma ġewx konklużi fiż-żmien maqbul bl-NAO għandu riżervi fir-rigward tal-pagamenti li saru mingħajr ċertifikazzjoni xierqa.

Fit-tieni kuntratt, lill-istess kumpanija, ix-xogħlijiet li kellhom jitlestew sa Ottubru 2017, ma ġewx konklużi. “Ir-riservi tal-NAO jippersistu peress li dawn il-ħlasijiet minn fondi pubbliċi ma kinux regolati b’kuntratt, kienu jinvolvu l-ħlas bil-quddiem ta’ €68,000 f’pagi tal-ħaddiema tal-Kuntrattur, u li l-ebda dokumentazzjoni għall-oġġetti kkonsenjati ma kienet miżmuma. Fl-opinjoni tal-NAO, dawn il-fatti esponew l-MHAS għal riskji bla bżonn għall-Gvern.”

Ir-rapport tal-investigazzjoni jikkonkludi li t-tħassib tal-NAO rigward il-prattiki dgħajfa ta’ mmaniġġjar ta’ kuntratti mill-Ministeru kibru wara verifika li saret fuq ċerti oġġetti mixtrija permezz ta’ dawn il-kuntratti.

Id-diskrepanza fl-ammont ta’ cable tar-ram miksub ma’ dak użat, id-differenza sinifikanti fir-rati ta’ falliment fin-netwerk bejn dak ikkwotat minn Infinite Fusion Technologies Ltd u dak reġistrat mill-Malta Information Technology Agency, u l-anomaliji relatati mal-garanziji kienu ta’ tħassib għal dan l-Uffiċċju.