Formula 1 Sport

Leclerc mhux kontra li Hamilton jingħaqad ma’ Ferrari

(Ritratt: EPA)

Is-sewwieq ta’ Ferrari Charles Leclerc kompla jitfa’ n-nar fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Sebastian Vettel hekk kif qal li jilqa’ lil Lewis Hamilton ma’ Ferrari, dejjem jekk din l-ispekulazzjoni ssir realtà.

Ir-relazzjoni ta’ bejn iż-żewġ sewwieqa Ferraristi bdiet titmermer aktar ma għadda l-istaġun, bl-inċident ix-xahar li għadda fil-Grand Prix tal-Brażil ikun il-kulminu. Leclerc temm l-istaġun 24 punt fuq Vettel iżda jista’ jkollu sfida akbar minn Hamilton.

Mistoqsi dwar kif jaħsibha dwar din il-possibbiltà, Leclerc qal li fil-Formula 1 dejjem iridu jikkompetu kontra l-aqwa. “Din is-sena kelli opportunità kbira li jkolli lil Seb (Vettel) ħdejja li hu erba’ darbiet champion tad-dinja u tgħallimt ħafna mingħandu.”

Hamilton rebaħ il-ħames titlu mondjali ma’ Mercedes f’sitt snin u s-sitt titlu fil-karriera. Il-kuntratt tiegħu jiskadi s-sena d-dieħla u jidher li qed jikkunsidra l-futur tiegħu. F’kummenti li għadda, Hamilton qal li jinsab kuntent ma’ Mercedes iżda ma jridx jieħu deċiżjonijiet faċli għaliex qal li dan hu l-aħħar perjodu fil-karriera tiegħu.