Lokali

Malta trid tinħeles minn dil-pandemija ta’ korruzzjoni – PPE

Talba biex Joseph Muscat jirriżenja minn Prim Ministru

Huwa ta’ għajb u tal-mistħija li Prim Ministru ta’ stat membru tal-UE jirrifjuta li jirriżenja minnufih anki wara l-implikazzjoni li ċ-Chief of Staff tiegħu jissemma’ b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan qalu permezz ta’ stqarrija l-Partit Popolari Ewropew, fejn tenna li wara dawn ix-xhur kollha qed jintwera li l-Prim Ministru soċjalista u l-gvern tiegħu m’għandhom l-ebda rispett għall-Maltin, għas-saltna tad-dritt jew għall-valuri tal-UE.

Il-PPE komplew billi qalu li t-tmexxija tal-Gvern preżenti qed tagħmel minn kollox biex tibqa’ fil-poter.

F’demokrazija normali meta l-ogħla uffiċjali fiċ-ċirku tal-Prim Ministru jkunu interrogati fir-rigward tal-qtil ta’ ġurnalist, dawn viċin, dawk involuti għandhom l-obbligu u r-responsabbiltà morali lejn l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż u lejn iċ-ċittadini, li jitilqu mill-kariga u b’hekk jippermettu li ssir ġustizzja.

Il-PPE għalqu billu qalu li qed jingħaqdu mal-PN fit-talba biex il-Prim Ministru Joseph Muscat jirriżenja minnufih, illum qabel għada. Il-PPE tenna li qiegħed ma’ dawk il-Maltin li qed jinżlu fit-toroq, u li qed ixxerdu l-messaġġi għall-ġustizzja u għall-verità biex Malta tinħeles minn din il-pandemija ta’ korruzzjoni.