Futbol Sport

Mourinho jirritorna f’Old Trafford iżda bħala avversarju

(Ritratt: EPA)

Fost il-logħbiet milgħuba llum fl-Ingilterra, jispikka l-konfront bejn Manchester United u Tottenham. Minbarra l-kwalità taż-żewġ timijiet, din il-logħba se tispikka hekk kif se tkun l-ewwel darba li Josè Mourinho se jirritorna f’Old Trafford bħala avversarju wara li tkeċċa minn manager tat-tim ftit anqas minn sena ilu.

Mar-Red Devils, Mourinho dam madwar sentejn u nofs fejn magħhom rebaħ il-Community Shield, il-League Cup u l-UEFA Europa League fl-ewwel staġun. Fit-tieni staġun tiegħu, hu wassal lit-tim sal-finali tal-FA Cup u sat-tieni post fil-Premier League, l-ogħla pożizzjoni minn kemm ilu li rtira l-manager leġġendarju Sir Alex Ferguson.

Hu nħatar manager ta’ Tottenham madwar ġimagħtejn ilu u minn dakinhar rebaħ it-tliet logħbiet li Tottenham lagħbu. Huma għelbu barra minn darhom lil West Ham 3-2 u bl-istess skor għelbu lil Bournemouth f’darhom. Il-ġimgħa l-oħra wkoll huma rebħu 4-2 kontra Olympiacos fil-UEFA Champions League, rebħa li fissret kwalifikazzjoni mal-aħħar 16.

Is-sitwazzjoni ta’ Manchester United hi ftit inkwetanti, hekk kif il-pressjoni fuq il-manager Ole Gunnar Solskjaer qed tkompli tiżdied. Dan hekk kif fil-preżent huma jinsabu fl-għaxar post fil-klassifika u fil-kampjonat ġejjin minn draw ta’ 3-3 kontra Sheffield United u draw ta’ 2-2 f’Old Trafford kontra Aston Villa, l-aħħar minn sensiela ta’ riżultati xejn konvinċenti.

Fil-konferenza stampa tal-bieraħ, Mourinho tkellem dwar ir-ritorn tiegħu u qal li hu mhux għadu ta’ Manchester United. Hu saħaq li qed jistenna reazzjoni pożittiva iżda qal ukoll li fil-mument tal-logħba hu jitqies bħala avversarju għall-partitarji ta’ Manchester United.