Lokali

“Naqbel mal-PM, fir-Rabat hemm il-ħmieġ … fil-jiem li ġejjin niżvela iktar” – eks Sindku Laburista

L-eks Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi ddikjara li fil-jiem li ġejjin se jiżvela informazzjoni ġdida li tikxef “il-ħmieġ li hemm fir-Rabat.”

Hu kien qed jirreaġixxi għal dak li seħħ fil-Qorti iktar kmieni llum, meta l-middleman fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia semma’ lis-Sindku tar-Rabat Sandro Craus.

Theuma ddikjara li kien Craus li bagħat għalih biex imur f’Kastilja u jiltaqa’ ma’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

B’reazzjoni għal dan, Charles Azzopardi kien fakkar f’episodju meta l-Prim Ministru tela’ sas-Saqqajja għal attivita politika u ddikjara li fir-Rabat hemm nuqqas ta’ ndafa.

“Illum jiena naqbel miegħu. Hemm il-ħmieġ!!!” iddikjara Azzopardi, li fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali twarrab mill-Partit Laburista biex Craus, li jaħdem f’Kastilja, seta’ jikseb il-poter f’din il-lokalita mill-ġdid.

Craus, appoġġjat minn Kastilja, finalment reġa’ ġie elett Sindku, b’Azzopardi jgħid li din kienet l-intenzjoni ta’ Joseph Muscat, li “ħass li Craus kien jixraqlu jikkontesta hu waħdu, mingħajr lili ta’ xkiel għalih biex jidħol l-ewwel fit-tellieqa.”

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Azzopardi qal: “Hemm informazzjoni oħra li għadha mistura minni u żammejtha għal ħafna xhur. Sejjer niżvela JIEN u jien waħdi fil-jiem li ġejjin. Irridu naraw Ġustizzja f’KOLLOX.”