Internazzjonali

NATO: Il-Mexxejja tal-Istati impenjati għall-għaqda, minkejja d-differenzi sinifikanti

Il-Mexxejja tan-NATO ħarġu stqarrija konġunta li riaffirmat ‘ir-rabta transatlantika dejjiema’, minkejja t-tensjonijiet li żviluppaw fl-aħħar xhur bejn uħud mill-pajjiżi-membri.

Dan meta t-taħditiet – waqt it-tieni u l-aħħar jum tas-summit — li damu għal tliet sigħat, viċin ta’ Londra, jidhru li rrisolvew id-diżgwid mat-Turkija li kienet qed tostakola l-progress tal-pjani tad-difiża tan-NATO għar-reġjun tal-Baltiċi.

L-Alleanza tal-Pajjiżi tal-Punent qed tfakkar is-70 sena mindu twaqqfet, fl-1949, bi tnax-il pajjiż biss bħala membri. In-NATO, illum, kibret f’entità ta’ 29 Stat iżda, fl-istess ħin, saret aktar diffiċli għall-Alleanza biex twassal messaġġi konkreti ta’ għaqda.

Fil-fatt, is-summit ta’ Londra sar taħt id-dell ta’ diversi kwistjonijiet jaħarqu. Minbarra r-relazzjonijiet diffiċli tat-Turkija mal-Istati-membri l-oħra tan-NATO, il-kwistjoni dwar l-infiq fuq id-difiża spikkat ukoll bħala issue li ilha tippreokkupa lill-Istati Uniti, bħala l-akbar entità militari msieħba fl-Alleanza.

Intant, il-Mexxejja tan-NATO, fi stqarrija qabel il-konklużjoni tas-summit, qablu dwar il-ħtieġa li ‘iħarsu lejn il-futur flimkien biex jaċċertaw is-sigurtà’. Fl-istess ħin, l-istqarrija rrikonoxxiet ‘l-isfidi’ li qed jimponu ċ-Ċina u r-Russja, bin-NATO timpenja ruħha wkoll għal ‘azzjoni aktar b’saħħitha’ kontra t-terroriżmu.

Filwaqt li l-futur tan-NATO ma jinsabx fid-dubju, fadal id-diżgwid dwar l-aħħar azzjoni militari tat-Turkija fit-Tramuntana tas-Sirja. Qanqlu wkoll element ta’ tensjoni l-aħħar kummenti tal-President Franċiż, Emmanuel Macron, fis-sens li n-NATO ‘saret tixbaħ  organizzazzjoni prattikament mejta’.

Minkejja d-diżgwid, il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson – li kien qed ilaqqa’ dan is-summit – fisser lin-NATO bħala ‘tarka kbira tas-solidarjetà li qed tipproteġi lil kważi biljun ruħ.’  Johnson,  waqt li kien qed jindirizza l-bidu tal-laqgħa ġo resort, f’Watford, insista li ‘l-ebda avversarju ma jista’ jittama li jegħleb lill-Alleanza dment li l-Istati membri jikkooperaw u jaħdmu għal impenn kollettiv’.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tan-NATO, Jens Stoltenberg, irrefera għaż-żieda fl-impenji tal-Alleati mill-Ewropa u l-Kanada għall-infiq fuq in-NATO. Hu tenna li ‘in-NATO hi l-aktar alleanza li rnexxiet fl-istorja għaliex aċċettat li tinbidel, l-istess bħalma d-dinja ilha għaddejja mill-bidliet’.

Fl-ewwel jum tas-summit, dehret ċara t-tensjoni bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-President Macron meta, waqt konferenza tal-aħbarijiet, spikkaw id-differenzi ta’ bejniethom dwar ir-rwol tan-NATO, it-Turkija  u l-ġellieda tal-ISIS. Dan waqt li Macron qal li se jkompli jinsisti dwar ir-rimarki precedenti tiegħu dwar l-Alleanza.

Il-battibekki bejn dawn il-mexxejja komplew  fl-aħħar jum tas-summit, b’Donald Trump jikkritika anki lill-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau, minħabba recording li jindika li Trudeau kien qed jiżżuffjetta bi Trump wara li l-mexxej Amerikan mexxa konferenza tal-aħbarijiet mhix skedata, li damet madwar siegħa.

Ikkummenta