Sport Sport Ieħor

Qormi u Floriana jiftħu l-kampjonat nazzjonali tal-hockey b’rebħa

Iċ-champions Qormi Daikin u Floriana Young Stars fetħu l-kampjonat fuq nota pożittiva b’rebħiet faċli fuq White Hart u Rabat rispettivament. Young Stars fetħu l-kampjonat b’rebħa ta’ 5-1.

Sa tmiem l-ewwel taqsima, Floriana kienu skorjaw darbtejn b’gowls kull kwarta minn Leon Gatt u Jamie Mifsud. Kyle Micallef għamilhom tlieta fil-bidu tat-tielet kwarta. Daniel Ellul naqqas id-distakk għar-Rabtin iżda Jamie Mifsud skorja t-tieni gowl personali. Anton Saliba ssiġilla r-rebħa b’gowl żewġ minuti mit-tmiem. L-umpires tal-logħba kienu James Mizzi u Paul Brincat.

White Hart sabuha diffiċli kif mistenni kontra Qormi Daikin hekk kif kienu megħluba 7-0. Il-Qriema kellhom vantaġġ ta’ tliet gowls sa tmiem l-ewwel taqsima u żiedu erba’ gowls oħra wara l-mistrieħ. Fatt pożittiv għal Qormi kien li għamlu d-debutt mat-tim tal-kbar Nathan Pace Gasan u Neil Genovese. Keith Bajada skorja tripletta, bil-gowls l-oħra jaslu minn Juan Sarcia, Ayrton Falzon, Luke Bajada u Keith Calleja. L-umpires tal-logħba kienu Nathan Galea u Karl Chircop.