Internazzjonali

Repubblika Ċeka: Se tkompli l-investigazzjoni tal-Prim Ministru

L-Avukat tal-Istat ewlieni kkonferma li l-Prim Ministru Ċek, Andrej Babis, irid jgħaddi minn investigazzjoni ‘aktar fit-tul’ dwar allegat frodi, f’każ li jinvolvi sussidji mill-Unjoni Ewropea.

Dan sar magħruf wara li l-Avukat tal-Istat irtira d-deċiżjoni precedenti biex dan il-każ jitwarrab.

Babis, negozjant biljunarju, qed ikun investigat fuq suspett dwar użu illegali, għaxar snin ilu, ta’ żewġ miljun ewro f’sussidji għall-bini ta’ ċentru tal-konferenzi barra Praga. Dan il-każ qed jingħad li seħħ qabel hu kien daħal fil-politika.

Intant, il-Prim Ministru Ċek ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina filwaqt li rrifjuta s-sejħiet biex jirriżenja dwar il-każ. Fl-istess ħin Babis ma rreaġiex għall-istqarrija tal-Avukat tal-Istat li għandha tkompli bl-investigazzjoni fil-konfront tiegħu.

L-investigazzjoni qed tibbaża fuq allegazzjonijiet li Babis kien ħeba l-identità tal-proprjetarju taċ-ċentru tal-konferenzi ( li jinkorpora fih lukanda) bil-ħsieb li l-entità tikkwalifika għall-finanzjament tal-UE li hi riservata biss għan-negozji ż-żgħar.

Ikkummenta