Lokali

X’inhi l-verità dwar il-job mal-Gvern ta’ Melvin Theuma?

Ritratt: MaltaToday

Fil-Qorti, il-middleman fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma, kixef li ngħata xogħol mal-Gvern minn Kastilja.

Hu semma’ lis-Sindku Laburista tar-Rabat Sandro Craus bħala l-persuna li laqqgħu mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Wara din il-laqgħa ngħata job li fi kliemu lanqas biss jaf x’kien u qatt ma mar għalih.

Iżda issa l-Gvern ħabbar li s-Segretarju Permanenti Ewlieni ordna li ssir verifika fir-rekords ta’ ingaġġ mal-gvern fejn instab li l-isem ta’ Melvin Theuma ma jiffigurax ma’ dawk li kienu impjegati mas-Servizz Pubbliku.

Fi stqarrija, il-Gvern iddikjara li wara dak li ħareġ fil-Qorti,
Iqed jerġa’ jsir verifikar mill-ġdid tad-data kollha filwaqt li ntalbu wkoll ir-rekords kollha tal-impjiegi mill-entitajiet kollha governattivi.

Madankollu, fil-Qorti, Melvin Theuma ddikjara li kien jitħallas b’ċekkijiet minn Kastilja u allura suppost li dawn jistgħu jiġu ntraċċati.

Fid-dawl ta’ dan Net News jirrimarka li jeżistu żewġ xenarji; jew Melvin Theuma gideb taħt ġurament, u allura l-Maħfra Presidenzjali suppost taqa’, inkella l-Gvern qed jigdeb sabiex jaħbi li Melvin Theuma verament ingħata xogħol mal-Gvern.