Lokali

Zoltan Szilagyi tilef ħajtu bil-mutur imma salva numru ta’ persuni oħra b’donazzjoni tal-organi

Minkejja li Zoltan Szilagy tilef ħajtu x-xahar li għadda wara inċident bil-mutur tant għal qalbu fi Triq il-Kosta, hu se jibqa’ jgħix minħabba ġest mill-isbaħ tiegħu.

Dan hekk kif Zoltan kien iddeċieda li jekk xi darba jiġrilu xi ħaġa u jitlef ħajtu, l-organi tiegħu jingħataw lil persuni oħra fil-bżonn li kienu qed jistennew dan il-ġest.

Net News jista’ jikkonferma li filfatt kienu diversi l-persuni li bbenefikaw mill-ġest tal-Ungeriż li kellu 43 sena u bdew jgħixu mill-ġdid wara interventi mediċi b’suċċess. Dan hekk kif Zoltan kien f’kundizzjoni medika perfetta.

L-Ungeriż kien ilu għall-aħħar snin jgħix f’Malta u hu magħruf sew fost il-komunità tas-sewwieqa lokali hekk kif
għandu snin ta’ esperjenza fis-sewqan tagħhom tant li jikkompeti bihom anke fid-drag racing f’Ħal Far.

Sfortunatament hu tilef il-kontroll ta’ mutur tat–tip Suzuki Hayabuza, bil-kundizzjoni tiegħu mill-ewwel tidher waħda kritika.

Zoltan mistenni jingħata l-aħħar tislima nhar il-Ġimgħa li ġej, meta sewwieqa tal-muturi se jakkumpanjawh mill-kamra mortwarja sa Ta’ Xbiex.

Minn hawn titlaq dgħajsa b’Zoltan, hekk kif id-difna se ssir fil-baħar … passjoni oħra ta’ Zoltan, flimkien mal-muturi.