Ftit qabel is-6pm, fil-villa ta’ Keith Schembri ġewwa l-Mellieħa wasal il-konsulent tal-Gvern Neville Gafa’.
Din hija t-tielet darba din il-ġimgħa li sorsi tagħna raw lil Gafa’ dieħel għand Keith Schembri. Dan hekk kif l-allegazzjonijiet serjissimi fil-konfront ta’ Schembri qed ikomplu jikbru, u fl-istess waqt li anke isem Neville Gafa’ qiegħed kontinwament taħt il-lenti – persuna li huwa viċin ferm Kenneth Camilleri, l-eks Pulizija u security ta’ Muscat illi allegatament kien jgħaddi informazzjoni lil Melvin Theuma rigward l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-aħbar tal-lejla, żvelata minn Net News, kienet konfermata aktar tard anke mill-MaltaToday, Newsbook u The Malta Independent.
Gafa’ deher iħallu l-villa ta’ Schembri għall-ħabta tas-6:30pm u dan ifisser illi din kienet laqgħa ta’ ftit minuti.
Ġurnalisti provaw jagħmlu kuntatt mal-eks Chief of Staff ta’ Muscat iżda dan ma weġibx u ma fetaħx meta indaqqitlu l-qanpiena tad-dar.
