Lokali

XOKKANTI: Keith Schembri kellem lil Yorgen Fenech waqt li kien fuq ‘Police Bail’

L-imprenditur Yorgen Fenech dalgħodu kien preżenti fil-Qorti Kostituzzjonali biex jikkontesta lill-investigatur ewlieni fil-każ tal-assissinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Keith Arnaud.

Fenech ippreżenta każ kostituzzjonali biex jinbidel l-investigatur ewlieni fl-investigazzjoni.

L-Imħallef Wenzu Mintoff qed jisma’ s-sottomissjonijiet mis-suspettat tal-qtil, Yorgen Fenech, li qed jikkontesta l-preżenza kontinwa tal-investigatur ewlieni Keith Arnaud fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Caruana Galizia.

Għal Fenech qed jidru l-avukati Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri.

Yorgen Fenech tkellem dwar il-ħbiberija tiegħu mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri fejn anke saħaq li kienu jiltaqgħu ta’ spiss id-dar ta’ xulxin – darbtejn fil-ġimgħa – u anke siefru ta’ spiss flimkien.

Tant kienu ħbieb intimi li anke kienu jitkellmu dwar problemi ta’ saħħa ma xulxin. Hu qal li għal kull problema li kien ikollu, dejjem sab lil Schmebri lest biex jgħinu u viċe versa.

Yorgen Fenech saħansitra sejjaħ lil Keith Schembri b’ismu fil-qorti u skuża ruħu qabel sejjaħlu Shcembri fejn kompla biex qal li dejjem kien iżommu infurmat kontinwament dwar l-investigazzjoni fl-assissinju tal-ġurnalista Caruana Galiza, anke qabel ma kienu arrestati dawk li wettqu l-qtil.

Keith Schembri saħansitra kien qal lil Fenech li l-mobiles kienu ser jiġu ttapjati mill-pulizija biex dan seta’ joqgħod attent… qallu meta kienu se jibdew l-arresti u żammu nfurmat b’kull dettall li kienu jafu bih biss il-pulizija.

Yorgen Fenech fakkar kif Schembri kien qallu li kien daħħal lill-mara tal-ispettur Keith Arnaud taħdem ma’ Infrastructure Malta.

L-Ispettur Arnaud, waqt l-investigazzjoni, kien qal lil Fenech li ‘There is light at the end of the tunnel’. Fenech qal li Arnaud kien qallu joqgħod attent lil min isemmi waqt l-interrogazzjoni u meta staqsa jekk kienx qed jirreferi għal Schembri, ir-risposta kienet waħda pożittiva.

Yorgen Fenech kompla jisħaq li l-ispettur Keith Arnaud kien qed iżomm lil Keith Schmebri aġġornat b’dak kollu li qed joħroġ mill-investigazzjoni flassissinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fenech kien kwotat jgħid li Keith Schembri kien għaddielu script b’dak li għandu jgħid lill-pulizija waqt l-interrogazzjoni. Diversi media kwotat lil Fenech; “Jien segwejt l-iskrittura mogħtija lili minn Keith Schembri. Jien ingħatajt dan meta ġejt arrestat u ieħor nhar il-Ħadd wara l-ħelsien mill-arrest appena wasalt id-dar tiegħi.” qal Fenech.

Hu kompla jgħid li kien avżat biex lil Keith Schembri ma jsemmiħx f’dak li jgħid lill-pulizija iżda qal li diġa’ kien hemm ħafna evidenza li timplika lil Schembri fil-każ jew tal-anqas viċin il-każ.

Fenech qal li appena semma lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, ra ħeffa u għaġla biex jitressaq il-qorti akkużat bl-ordni tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Hu qal li kien hawnekk fejn il-pulizija anke ħadu apparat elettroniku tat-tfal u tal-mara tiegħu.

Yorgen Fenech qal li l-affarijiet fil-kaz tal-investigazzjoni fir-rigward ta’ Keith Schmebri ma sarux sew għaliex isemma’ ħafna, hemm evidenza li turi li kien viċin iżda kien hemm għaġla mill-pulizija biex jeħilsuh mill-arrest.

Hu qal li jinsab inkwetat b’Kieth Arnaud jmexxi l-investigazzjoni għaliex huwa wisq viċin ta’ Keith Schembri.

Il-kaz ser ikompli fl-10 ta’ Diċembru.