Lokali

Gwerra fil-miftuħ b’esponenti Laburisti kontra xulxin

Bosta huma dawk li jimmilitaw fil-Partit Laburista li ma ddejqu xejn jitkellmu b’mod apert u jiddikjaraw li jridu li Joseph Muscat iwarrab b’mod immedjat.

Wieħed minn dawn, li ilu xhur twar jitfa’ status wara ieħor fuq Facebook, b’turija li mhux kuntent bit-tmexxija tal-Partit Laburista huwa Cyrus Engerer li ingħaqad ma bosta fosthom l-MEPs Alfred Sant u Miriam Dalli, kif ukoll il-Ministru Evarist Bartolo.

Madnakollu, l-opinjoni fuq Joseph Muscat mhux l-istess fuq kull naħa tal-partit, xi ħaġa li qed toħloq gwerra interna fi żmien fejn il-prijorità għandha tkun Malta u mhux il-Partit Laburista… xi ħaġa li dawk li jimmilitaw fi ħdan il-partit qed isibuha diffiċli li jagħmlu anke li issa ssoktat kampanja interna għal min se jieħu post il-Prim Ministru.

Filfatt, il-ħabib tal-Prim Ministru, Neville Gafa, ħabib ukoll tal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, ħareġ b’mod apert kontra Cyrus Engerer fuq Facebook.

Neville Gafa u Keith Schembri

Dan, sigħat biss wara li fil-qorti, ir-raġel li ngħata l-Maħfra Presidenzjali, Melvin Theuma, biex jikxef id-dettalji dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, semma’ lil Kenneth Camilleri bħala l-bniedem li miegħu kien ikkomunika.

Iżda min hu dan Kenneth Camilleri? L-eks uffiċjal tas-Servizzi Sigrieti, eks PC1091, kien ġie trasferit bħala uffiċjal tas-sigurta personali tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara l-elezzjoni tal-2013.

Camilleri, minn Burmarrad, issemma’ wkoll bħala wieħed mill-persuni li kienu preżenti għal laqgħa li Neville Gafa għamel fil-Libja. Din il-laqgħa għadha sa llum imdawwra minn diversi misteri, fosthom x’kien ir-rwol ta’ Gafa, għalfejn saret u x’ġie diskuss matulha.

Neville Gafa, li wara xhur ta’ ħabi sar magħruf li jaħdem f’Kastilja, ilu għall-aħħar jiem jidher dieħel u ħiereġ bil-ħarba minn Kastilja.

Inqabad ukoll, minn ġurnalista ta’ The Times of Malta, hu u dieħel fir-residenza ta’ Keith Schembri ftit wara li dan tal-aħħar inħeles mill-arrest.

Kenneth Camilleri u Neville Gafa