Futbol Sport

Il-ħolma tiegħi hi li nibda nilgħab ma’ klabb kbir hawn Malta – Gary Camilleri, difensur ta’ Tarxien Rainbows

Stewart Said

Gary Camilleri, difensur żagħżugħ li f’dan l-istaġun qed ikun plejer regolari ma’ Tarxien Rainbows fil-Kampjonat. L-istaġun 2019/2020 hu importanti għalih hekk kif għall-ewwel darba qed jilgħab frekwentament fl-ogħla diviżjoni Maltija għall-ewwel darba, wara esperjenzi oħra fil-passat riċenti.

Camilleri li għandu 20 sena, jiddeskrivi dawn il-logħob bħala esperjenzi li jibqa’ jitlob li jilgħabhom biex iżid mal-esperjenza tiegħu. Fost l-aqwa esperjenzi li kellu sa issa fil-Kampjonat Premier, Camilleri jqis il-konfront tal-istaġun li għadda kontra Balzan, fejn Senglea kienu rebħu 2-1. Dakinhar għalkemm lagħab ftit minuti, hu jqis li kellu prestazzjoni tajba.

(Ritratt: Joe Borg)

Il-karriera ta’ Gary Camilleri sa issa

Gary Camilleri għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier ma’ Balzan fit-22 ta’ April tal-2017. Dakinhar fl-età ta’ 17-il sena hu kien daħal bħala sostitut flok Sean Cipriott fir-rebħa li l-Balzanin għamlu fuq Tarxien Rainbows bl-iskor ta’ 3-0.

Ma’ Balzan kien ikun imsejjaħ fl-iskwadra iżda qatt ma kiseb post regolari u lagħab f’xi logħbiet oħra magħhom. F’Jannar tas-sena l-oħra, Camilleri kompla l-istaġun ma’ Żebbuġ Rangers fl-Ewwel Diviżjoni. Hemm kien regolari fid-difiża u anki rnexxielu jiskorja gowl kontra Qrendi.

Fl-istaġun li għadda, Camilleri lagħab biss ftit minuti ma’ Balzan fil-logħbiet kontra Floriana u Tarxien Rainbows, qabel iddeċieda li jkompli l-istaġun b’self ma’ Senglea Athletic. Hu lagħab 12-il logħba mat-tim mill-Isla taħt it-tmexxija ta’ Vincenzo Potenza, għalkemm beda mill-bidu f’żewġ okkażjonijiet biss.

F’dan l-istaġun hu ddeċieda li jerġa’ jmur b’self ma’ tim fil-Kampjonat Premier u sa issa kien plejer regolari fid-difiża ta’ Tarxien Rainbows. Camilleri fil-preżent jifforma parti mit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn Silvio Vella.

(Ritratt: Matthew Tabone)

L-esperjenza ma’ Balzan u l-għażla ta’ Tarxien

Gary Camilleri kellu esperjenzi ma’ Pietà Hotspurs u Hibernians iżda ma’ Balzan kiber bħala plejer u ngħata wkoll l-ewwel opportunitajiet fil-livell tal-kbar. “Kien żmien importanti ħafna għalija kont għadni żgħir, bl-għajnuna tal-kowċis li kelli dak iż-żmien jiena ħadt esperjenza importanti, għax nilgħab ma’ plejers bħal Paul Fenech u Ryan Fenech, plejers bħal dawn ġiegħluni nikber, immaturajt ħafna u qed insir il-plejer li jien illum.”

Fl-età ta’ Gary Camilleri, hu importanti li l-plejers isibu l-ispazju biex ikunu jistgħu jilagħbu u jitjiebu. Hi din ir-raġuni għaliex hu ngħaqad b’self ma’ Senglea Athletic l-istaġun li għadda u ma’ Tarxien Rainbows f’dan l-istaġun. Mistoqsi kif għażel lil Tarxien, Camilleri wieġeb; “ġejt ma’ Tarxien dan l-istaġun għax ikkuntattjani l-kowċ Marko Glumac. Hu ħabib mad-Direttur Sportiv ta’ Balzan Vladimir Simovic u xtaq l-għajnuna tiegħi u kont lest li ningħaqad ma’ Tarxien u nieħu l-esperjenza fil-Kampjonat Premier.”

Tarxien sa issa jinsabu fil-qiegħ tal-Kampjonat Premier mingħajr punt wara 11-il logħba. Minkejja d-diffikultà, Camilleri jinsab konxju iżda żied li mhux se jaqtgħu qalbhom. “Hi sfida diffiċli ħafna imma nemmen li bit-tim li għandna, jekk naħdmu u niġbdu l-istess ħabel, nistgħu nilħqu t-tragward tagħna.”

(Ritratt: Joe Borg)

Iċ-ċans li jingħataw iż-żgħażagħ

Minħabba li d-diffikultà li jistgħu jsibu, Camilleri jemmen li ż-żgħażagħ għandhom ifittxu opportunità partikolari. “Il-bidu kollu iebes. Nemmen li żgħażagħ li huma promettenti ħafna, nemmen li l-aħjar għażla għalihom hi li jmorru fl-Ewwel Diviżjoni jew ma’ klabbs żgħar fil-Kampjonat Premier u jippruvaw jieħdu l-minuti minn hemm.”

Fattur li forsi ma jgħinx daqshekk lil Camilleri hu minħabba li jilgħab bħala difensur ċentrali. Hu jemmen li speċjalment it-timijiet il-kbar, iħarsu li jsaħħu ċ-ċentru tat-tim u normalment iġibu plejers barranin. Iżda fl-istess ħin jemmen li jekk plejer Malti jkun kunfidenti u kapaċi, jista’ jilgħab flok plejer barrani.

“Jien il-ħolma tiegħi hi li nibda nilgħab ma’ klabb kbir hawn Malta u Balzan hu wieħed minnhom.” Camilleri dejjem kien iħares li jilgħab fid-difiża għaliex fi kliemu “qatt ma kont plejer li nfittex ix-xibka, dejjem nipprova nagħmel dak li hu l-aħjar għat-tim.”

Camilleri fit-tim nazzjonali

Il-prestazzjonijiet riċenti, għenu lil Camilleri biex ikun mgħajjat mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn Silvio Vella. Iżda forsi għadna rridu naraw lil Camilleri f’livell ogħla mat-tim nazzjonali tal-kbar.

“Jien nemmen li b’ħidma iebsa kollox hu possibbli, għadni żgħir u nemmen li jekk nibqa’ naħdem kif qed naħdem, fl-aħħar mill-aħħar iċ-ċans jiġi.” Minbarra din ix-xewqa, Camilleri jħares ukoll li jkollu l-possibbiltà u jingħata ċans biex jilgħab barra minn Malta.