Lokali

Il-qtil politiku ta’ Raymond Caruana…min jinsa jerġa’ jġarrab

Ix-xufier li saq, spara u qatel lil Raymond Caruana fil-5 ta’ Diċembru 1986 jippersonifika l-kroll tal-istituzzjonijiet u r-rabta mal-kriminalità politika.

33 sena ilu fil-Każin Nazzjonalista tal-Gudja inqatel l-attivist tal-PN Raymond Caruana f’mument ta’ kriżi politika li kienet viċin li tikkrolla pajjiż.

Kriżi politika li kienet ilha tinħema s-snin bi vjolenza politika organizzata minn terroristi politiċi li jappoġġjaw lill-Partit Laburista. Stratġeija ta’ vjolenza politika li ienet tinkludi t-tkissir tal-każini tal-PN, attakki fuq id-dar tal-familja Fenech Adami, sparar fuq partitarji Nazzjonalisti, qtil politiku, attakki fuq persuni li riedu jikxfu l-korruzzjoni istituzzjonalizzata u aggressjoni fuq il-ġurnalisti.

Il-fatti:

Id-dettalji tal-qtil politiku ta’ Raymond Caruana huma stabbiliti; Raymond Caruana nqatel b’tiri ta’ Sterling sub-machine gun  sparata minn barra l-każin. Tir minnhom daħal ġewwa, laqtu u qatlu fil-post.

L-arma Sterling sub-machine gun li biha nqatel Raymond Caruana u li wara tpoġġiet fir-razzett ta’ Pietru Pawl Busuttil filf-rame-up li sar uqu

L-inkjesta tikkonferma li fl-1 ta’ Diċembru 1986, erbat  jiem qabel inatel Raymond, l-istess arma intużat minn partitarju Laburista f’carcade f’Ħal Tarxien meta kienu sparati tiri fuq il-każin Nazzjonalista tal-lokal propju minn persuna f’dik il-carcade jew minn xufier b’karozza uffiċjali tal-gvern li wasal fuq il-post dak il-ħin.

L-arma li qatlet lil Raymond Caruana ntużat ukoll minn partitarji Laburisti fil-vjolenza politika fiż-Żejtun fit-30 ta’ Novembru 1986

Fit-30 ta’ Novembru 1986 l-arma kienet sparata wkoll fuq impjant fiż-Żejtun waqt il-Mass Meeting Nazzjonalista li ma setax isir minħabba l-vjolenza maħluqa mill-marmalja Laburista u l-Pulizija tal-SMU.

Waħda mill-marki tat-tiri sparati fuq il-Każin Nazzjonalista tal-Gudja il-5 ta’ Diċembru 1986

Dawn huma fatti stabbiliti fl-Inkjesta Maġisterjali u huma ta’ importanza kbira għall-investigaturi f’dan il-qtil il-politiku; qtil li fih ntużat l-istess arma qattiela.

Ġranet wara l-qtil fil-Gudja l-istess l-arma tpoġġiet fir-razzett ta’ Pietru Pawl Busuttl fil-frame-up li sar fuqu. L-arma tpoġġet meta r-razzett kien taħt il-kontroll tal-pulizija.

Minflok qabdu lil min qatel lil Raymond Caruana, il-pulizija kienu involuti fi frame-up fuq Pietru Pawl Busuttil

Fl-aħħar 33 sena saru ħafna investigazzjonijiet dwar dan il-qtil u kienu anki involuti aġenziji investigattivi barranin iżda l-każ jibqa’ mhux solvut. Minkejja li fil-passat kienet terssqet perusna l-qorti, hu evidenti li jeħtieġ isiru iktar investigazzjonijiet dwar dan il-qtil biex toħroġ il-verità.

Jidher li l-pulizija għad ma stabbilietx l-aħħar ħinijiet dwar għand min kienet l-arma. L-aħħar ħinijiet huma kruċjali. Għand min kienet l-arma fl-aħħar siegħa? Minn fejn telaq ix-xufier li qatel lil Raymond? Ix-xufier kien ma’ persuni oħra f’każin Laburista fil-viċin tal-Gudja qabel saq lejn il-Gudja? Kemm kienu fil-karrozza meta nqatel Raymond Caruana?

Is-soċjetà:

33 sena ilu s-soċjetà Maltija niżlet fit-toroq u pprotestat. Kienet qed tipprotesta qabel inqatel Raymond. Kienet hemm ukoll fil-funeral. Kienet hemm meta għamlu l-frame-up lil Pietru Pawl Busuttil. Għamlet il-pressjoni biex issir ġustizzja.

Iżda matul is-snin is-soċjetà ma baqgħetx preżenti; ħasbet li issa li l-pajjiż irritorna għal-libertà u d-demokrazija, ħasbet li l-funzjoni tal-istituzzjonijiet hi garantita u li dak li għadda minnu l-poplu qabel l-1987 mhux se jerġa’ jirrepeti ruħu.

Il-ktieb Liberta Mhedda li jitratta l-qtil politiku ta’ Raymond u ż-żminijiet diffiċli imdawrin miegħu

Il-pressjoni biex jissolva dan il-qtil politiku – u miegħu jissolvew każi oħra – spiċċat; anzi bilkemm baqgħet issir riferenza għall-qtil ta’ Raymond Caruana. Tifkira ta’ darba fis-sena xejn iktar.

Kien propju dan wieħed mill-elementi li wassal biex il-qtil ta’ Raymond Caruana ma ssolviex. Meta fid-disgħinijiet reġgħet infetħet il-kumpilazzjoni u kien hemm xhieda ġdida dwar l-użu tal-arma f’Ħal Tarxien kien hemm ukoll evidenza li kellha terġa’ tiftaħ l-investigazzjonijiet. Quddiem il-qorti kellhom jixhdu awtoritajiet li, skont xhieda fil-qorti, magħhom tkellmu kriminali ta’ dak iż-żmien dwar min qatel lil Raymond Caruana…. u s-soċjetà baqgħet siekta. L-ebda pressjoni.

Għaddew is-snin u dan is-skiet intensifika; bqajna biss ftit inwasslu l-leħen għall-ġustizzja f’dan il-qtil. U x’ġara? Ġara li dak li l-poplu Malti qed jgħix llum. L-istituzzjonijiet reġgħu tkissru, il-korruzzjoni qed tiddomina lill-gvern, hemm rabtiet bejn il-kriminalità u l-politika, in-nies qed titlef dejjem iktar il-fiduċja…u reġa’ seħħ qtil politiku. Min ma semmax leħnu fuq Raymond Caruana u l-qtil politiku l-oħra llum jinsab fit-toroq iżda għandu jħares lejn il-kuxjenza tiegħu u jassumi responsabbiltà.