Lokali

L-MEP Roberta Metsola se tmexxi grupp ġdid kontra l-korruzzjoni fil-Parlament Ewropew

L-Membru Parlamentari Ewropew Maltija, Roberta Metsola se tkun il-President tal-Intergrupp il-ġdid tal-Parlament Ewropew u b’hekk se tkun qed tmexxi dan il-grupp ta’ kontra l-korruzzjoni flimkien mal-MEP Daniel Freund.

Roberta Metsola, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew qalet: “Il-kriżi politika u kostituzzjonali f’Malta trid tkun katalist għall-bidla wkoll fuq livell Ewropew. Jeħtieġ li jkollna mekkaniżmi fis-seħħ biex niżguraw li għandna l-għodda li tipprevjeni l-kriminalità u l-korruzzjoni fl-ogħla livelli ta’ Stati Membri tal-UE. F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi bħal Malta, in-nies iħarsu lejn l-Unjoni Ewropea għal tmexxija legali u morali. Għandna bżonn azzjoni konkreta u biex dan iseħħ l-UE jeħtieġ li tiżviluppa strumenti li jipproteġu lin-nies mill-korruzzjoni u l-kriminalità. Il-korruzzjoni toqtol. Daphne Caruana Galizia ġiet maqtula minħabba li esponiet il-korruzzjoni fl-ogħla livelli ta’ Gvern.”

Metsola qalet li huwa ta’ unur għaliha li se tkun qed tmexxi dan il-grupp ġdid ma’ Daniel Freund għaliex għalkemm ġejjin minn kampijiet politiċi differenti, jinsabu fl-istess paġna fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Fuq livell personali, u li ġejja minn Malta, Metsola qalet li tinsab determinata li tuża din il-pjattaforma biex turi li l-għaġir ta’ Keith Schembri, Joseph Muscat u Konrad Mizzi ma jiddefinixxux il-popolazzjoni Maltija.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Freund li se jippresjedi l-intergrupp il-ġdid qal “Il-każ ta ‘Daphne Caruana Galizia juri l-effetti tossiċi tal-korruzzjoni u n-nepotiżmu fl-Ewropa u jagħmel ix-xogħol tal-intergrupp kontra l-korruzzjoni aktar relevanti.”

Hu qal li jinsab kburi li se jmexxi dan il-grupp ma’ l-MEP Maltija.