Lokali

Michael Falzon skomdu jitkellem dwar Keith Schembri

Skumdità kbira fost il-membri tal-Kabinett u tal-Grupp Parlamentari Laburista wara l-aħħar żviluppi fl-investigazzjonijiet marbuta mal-assassinju tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fost l-oħrajn, il-Ministru tas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, magħruf għan-nuqqas ta’ qbil mal-mod kif il-Prim Ministru Joseph Muscat tratta din il-kriżi nazzjonali.

Mistoqsi minn NET News, il-Ministru ħarab milli jikkummenta dwar kif isem l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ssemma’ għal diversi drabi minn Yorgen Fenech, l-allegat mandant fl-assassinju. Fost l-oħrajn, Fenech qal li Schembri kien itih l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni.

Iffaċċjat bir-rapporti tal-media, il-Ministru Michael Falzon tenna l-importanza li ssir ġustizzja. Dan filwaqt li evita milli jikkummenta dwar il-pożizzjoni politika ta’ Keith Schembri, sa ftit tal-jiem ilu, fil-Kabinett Laburista.

Il-mistoqsijiet saru fil-kuntest tal-fatt li Falzon hu wieħed mill-membri tal-Kabinett li, flimkien mal-Grupp Parlamentari Laburista, suppost taw fiduċja unanima lil Joseph Muscat.

Iżda anke dwar dan il-fatt, il-Ministru Michael Falzon ma ħassux komdu jikkonferma … minkejja li s-suppost vot unanimu kien irrappurtat fi stqarrija tal-Partit Laburista.

Fl-2016, il-Ministru Michael Falzon irriżenja minħabba l-iskandlu ta’ Strada Zekka. Dan minkejja li dak iż-żmien, l-artijiet pubbliċi kienu taħt ir-responsabbiltà politika tal-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu.

Madankollu, f’nofs skandlu ħafna akbar, Muscat baqa’ jżomm mieghu lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi sa ftit tal- jiem ilu.