Lokali

Raġel arrestat wara sejba ta’ madwar kilo kannabis

Raġel ta’ 29 sena ta’ nazzjonalita’ Griega, residenti l-Mosta kien arrestat wara ħidma ta’ sorveljanza mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.

Bl-awtoriżazzjoni tal-Maġistrat tal-Għassa, l-Erbgħa wara nofsinhar, il-Pulizija segwew konsenja kkontrollata ta’ pakkett li kien għadu kemm wasal Malta minn Spanja, bis-suspett li fil-pakkett kien hemm moħbija d-droga.

Malli l-pakkett inġabar mir-raġel, dan kien arrestat minnufih.

Il-pakkett suspettuż infetaħ u moħbija f’kaxxa tal-kartun li kienet imgeżwra f’boroż tal-plastic, instab madwar kilo ħaxixa tal-kannabis.

Il-Magistrat tal-Għassa Marseann Farrugia ġiet infurmata bis-sejba u ħartet diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti matul il-ġurnata tal-Ġimgħa taħt arrest u se jkun akkużat bl-importazzjoni u pussess mhux għal użu esklussiv tiegħu tal-pjanta kannabis.