B’miljuni ta’ ewro fil-but grazzi għall-ftehim mal-Gvern ta’ Joseph Muscat, is-sidien ta’ Vitals Global Healthcare Ram Tumuluri u Shaukat Ali Abdul Ghafoor żaru għadd ta’ pajjiżi oħrajn biex “jiftaħru bis-suppost suċċess f’pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea”.
Is-sit elettroniku The Shift News żvela dan dwar l-ewwel kumpanija internazzjonali li l-Gvern ftiehem magħha fil-bejgħ ta’ tliet Sptarijiet Pubbliċi, bil-VGH la hi globali u wisq anqas toffri servizzi tas-saħħa. Fl-artiklu, is-sit kellu l-appoġġ ta’ Journalismfund.eu.
Kompla jkun irrappurtat li tal-VGH użaw kumpaniji offshore u ħolqu ftehim sigrieti mal-Gvernijiet ta’ Stati Balkani. B’hekk, bħalma għamlu f’Malta, tal-VGH ħadu f’idejhom sptarijiet, li suppost imbagħad kellhom jirrenovaw.
Tal-VGH daħlu f’Malta grazzi għall-eks Ministru Konrad Mizzi, li għal xi żmien kien ukoll il-Ministru tas-Saħħa. U sakemm ħallew pajjiżna darba għal dejjem, huma baqgħu qatt ma segwew l-impenji li ntrabtu magħhom.
Is-sit kompla li f’ċerti ċirkostanzi, saħansitra nżammu laqgħat f’Kastilja, fil-preżenza fost l-oħrajn tal-eks Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri, u l-eks Ministru Konrad Mizzi biex il-proġett tal-VGH jasal anke fil-Montenegro u fl-Albanija.
//= $special ?>