Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa bagħat ittra lill-President ta’ Malta George Vella li fiha talbu jieħu azzjoni biex jassigura li Malta jkollha Prim Ministru ġdid illum qabel għada. Fl-ittra, l-MEP Casa appella lill-President biex ma jħallix ”l-istorja tiftakrek bħala l-President li fil-mument fejn Malta kienet qed issejjaħlek, int ma aġixxejtx.”
David Casa, li hu Kwestur tal-Parlament Ewropew u Membru tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, għamel referenza għall-messaġġ tal-President lin-nazzjon ta’ nhar it-Tnejn li għadda, li fih, iddeskriva s-sitwazzjoni fil-pajjiż bħala “mhux normali.”
“M’għandix dubju li eks kollegi tiegħek fil-Grupp Parlamentari Laburista esprimew miegħek ir-rabja u l-biża’ li għandhom bħalissa. Rabja li ġew ingannati minn dawk li tant fdaw fl-aħħar snin, u biża’ li jekk jieħdu passi huma, jsofru l-konsegwenzi. Għalhekk, f’dan il-mument ‘mhux normali’, u f’sitwazzjoni li tista’ “tkompli tiggrava”, indur fuqek, bħala President tar-Repubblika, biex tieħu l-uniku pass li jista’ jġib lura f’pajjiżna n-normalità,” qal l-MEP Casa.
David Casa qal li hu għandu fiduċja li l-President jista’ jieħu d-deċiżjoni li pajjiżna tant għandu bżonn bħalissa, u li f’dawn il-mumenti delikati, jġib l-interessi ta’ pajjiżna l-ewwel u qabel kollox.
//= $special ?>

