Lokali

ANALIŻI: Gvern wieqaf, pajjiż wieqaf….qalb akkużi serji li ħerġin jum wara l-ieħor

"Minn dak li ħareġ sa issa, ix-xiehda ta' Melvin Theuma issaħħaħ dak li qed jgħid Yorgen Fenech" - esperti legali

Kuntrarju għal dak li ilna nesperjenzaw jum wara l-ieħor taħt din l-amministrazzjoni, fl-aħħar ħmistax kienet ir-regola u mhux l-eċċezzjoni illi l-Gvern ma jkollu l-ebda avveniment pjanat; l-ebda press conference mill-Ministri, l-ebda żjara, l-ebda laqgħa, l-ebda inawgurazzjoni – xejn!

Fil-fatt, il-lista li kull filgħodu tintbagħat lill-media minn naħa tad-Dipartment tal-Informazzjoni (DOI) qed tkun vojta.

Ġirja għal-leadership waqt li waqqfu pajjiż

Huwa evidenti li l-Gvern jinsab staġnat. U agħar minn hekk, il-pajjiż jinsab wieqaf…kaġun tal-kriżi politika li daħħalna fiha Joseph Muscat. Dan qed jaffetwa fost l-oħrajn ċertu business fi żmien tas-sena tant importanti.

Ħafna qed jgħidu li l-Gvern ipparalizza ruħu minħabba li tilef l-idejn ta’ Keith Schembri li kienu jikkontrollaw kollox. Oħrajn jemmnu li l-Ministri waqfu għaliex aktar moħħhom fuq dak li qed jiġri internament fil-Partit Laburista, u l-ġirja għal-leadership.

U filwaqt li għaddjin dawn il-manuvri kollha, ma jaqtgħu xejn id-dettalji xokkanti li ħerġin mill-Qorti, ġurnata wara l-oħra.

L-assassinju: x’nafu sa issa?

Fil-fatt, esperti legali qed jinnutaw il-gravita’ tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha b’akkużi diretti kontra l-eks Chief of Staff ta’ Muscat u allegazzjonijiet li hu kien jaf sal-inqas dettall fejn waslu l-investigazzjonijiet marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Sorsi li tkellmu magħna qalulna li minn dak li ħareġ sa issa, ix-xiehda ta’ Melvin Theuma hi parallela ma’ dak li qed jgħid Yorgen Fenech. Tant hu hekk illi l-verżjoni li ta Fenech sa issa hija msaħħa mix-xiehda li ta l-jum ta’ qabel il-middleman, Melvin Theuma.

Keith Schembri u l-middleman f’Kastilja (Ritratt: MaltaToday)

Mill-Qorti ħareġ illi Keith Schembri kellem lil Yorgen Fenech meta kien fuq bail, qallu x’għandu jgħid lill-Pulizija u wissieh biex joqgħod attent. Fenech kien ukoll infurmat meta kien se jsir ir-raid illi fih ġew arrestati l-awħa Degiorgio u Vince Muscat – fatt li anke Theuma ikkonfermah fix-xiehda tiegħu. Kif ikkonferma hu stess [Theuma] ir-rabta ma’ Keith Schembri li kien laqgħu f’Kastilja, tramite Sandro Craus, tah tour ma’ Kastilja u offrielu kafe’. Wara, Theuma ingħata job fantażma mal-Gvern, imħallas minn Kastilja.

Anke Yorgen Fenech, fit-testimonjanza tiegħu, ikkonferma l-hbiberija li għandu ma’ Keith Schembri. U insista li l-eks Cheif of Staff f’Kastilja kien iżommu infurmat dwar il-process tal-investigazzjonijiet fiex kien wasal, dejjem b’rabta mal-assassinju ta’ Caruana Galizia.