Futbol Sport

Balzan u Ħamrun Spartans jieħdu punt kull wieħed

(Ritratt: Matthew Tabone)

Rapport: Rowen Camilleri

BALZAN……………………… 1

ĦAMRUN SPARTANS…… 1

Balzan: K. Naumovski, A. Loof, A. Kosoric, S. Pisani (D. Camilleri 86’), M. Johnson, P. Fenech, A. Effiong, U. Ljubomirac, I. Bozovic, R. Correa, A. Majdevac

Ħamrun S: E. Bartolo, A. Capitelli, T. Caruana, J. Soares, W. Domoraud, C. Failla, N. Leone, S. Lagzir (D. Borg 27’), M. Criaco, K. Micallef, M. Cinquini

Imwissija: M. Cinquini 39’, C. Failla 83’ (Ħ) A. Loof 53’, S. Pisani 69’, R. Correa 86’ (B)

Skorjaw: A. Majdevac 6’ (B)J. Soares 43’ (Ħ)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Roberto Vella, Ivan Galea

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Andrija Majdevac (Balzan)

BOV Plejer tal-logħba: Andrija Majdevac (Balzan)

Attendenza: 278

(Ritratt: Matthew Tabone)

Fl-ewwel partita mit-tnax-il ġurnata tal-Kampjonat Premier u wara l-wafqa minħabba t-Tielet Rawnd tal-F.A. Trophy. Balzan u Ħamrun Spartans ħadu punt kull wieħed, biex it-tnejn li huma baqgħu prattikament f’nofs il-klassifika. Il-logħba kienet waħda bilanċjata għalkemm lejn l-aħħar nofs siegħa kienu aktar Balzan li dehru fil-kontroll fejn anke kellhom xi opportunitajiet lejn il-lasti ta’ Ħamrun.

Balzan u Ħamrun it-tnejn għamluha għar-raba’ Rawnd tal-FA Trophy bit-tim ta’ Jacques Scerri jelimina faċilment lil San Ġwann 3-0 filwaqt li Ħamrun ta’ Blasi eliminaw lil Tarxien Rainbows għalkemm ma’ mpressjonawx. Fil-kampjonat, iż-żewġ timijiet naqsu milli jirritornaw għar-rebħ hekk kif Balzan kienu ġejjin minn telfa ta’ 2-1 kontra Hibernians filwaqt li l-Ispartans kienu ġejjin minn draw pożittiv ta’ 0-0 kontra l-leaders Floriana.

(Ritratt: Matthew Tabone)

Balzan ħarġu b’formazzjoni pjuttost differenti minħabba l-fatt li kontra San Ġwann Scerri serraħ xejn inqas minn sitt plejers filwaqt li l-unika bidla li affettwaw Ħamrun kienet ir-ritorn ta’ Manuel Bartolo bejn il-lasti minflok Jean Claude Debattista.

Balzan fetħu l-iskor wara biss sitt minuti meta minn azzjoni personali ANDRIJA MAJDEVAC prova x-xutt mix-xellug li spiċċa fir-rokna tax-xibka. Ħamrun għamlu reazzjoni u fit-13-il minuta il-kross ta’ Criaco sab lil Lagzir li minn qagħda tajba tefa’ għoli bir-ras.

Erba’ minuti wara, Ħamrun kellhom ċans ieħor tajjeb meta Wilfried Domoraud ġab waħdu lil Soares li iżda l-konklużjoni tiegħu ġiet salvata minn Naumovski. Hekk kif kollox deher li Balzan deħlin jistrieħu fil-vantaġġ, Ħamrun kellhom pjanijiet oħra u fit-43 minuta, JORGE SOARES irċieva pass tajjeb u minn qagħda angolata qabbeż minn fuq Naumovski, b’Ivan Bozovic deher li biegħed il-ballun minn fuq il-linja iżda l-uffiċjali mill-ewwel iddeċidew li l-ballun qabeż il-linja u kkonvalidaw il-gowl.

L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima waslet fit-58 minuta minn Balzan meta Ricardo Correa prova xutt minn barra l-kaxxa li għal ftit ma ħasadx lil Bartolo, b’dan tal-aħħar idawwar f’ korner.

(Ritratt: Matthew Tabone)

Fit-62 minuta Balzan reġgħu ttantaw xortihom meta minn kross ta’ Ljubomirac, Effiong prova x-xutt mill-ewwel li mar ftit barra. Balzan baqgħu jinsistu u fis-67 minuta minn korner ta’ Correa, id-difensur Bożnijak Kosoric għola tajjeb, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet ċentrali wisq u spiċċat f’idejn Bartolo.

Kwarta mit-tmiem imbagħad Effiong għadda tajjeb lejn il-Plejer tal-Logħba Majdevac, b’dan tal-aħħar xeħet għoli. Ħamrun ippressaw lejn it-tmiem u fid-89 minuta l-kross ta’ Criaco sab lil Domoraud li bir-ras tefa’ barra.