Lokali

DIRETTUR JIKKONFERMA: Keith Schembri wettaq pressjoni biex Melvin Theuma jingħata ‘xogħol’ mal-Gvern

Uffiċjal tal-Housing Maintenance and Embellishment Co. Ltd, li hi kumpanija tal-Gvern, ikkonferma x-xhieda ġuramentata li ta Melvin Theuma fil-Qorti.

Dan hekk kif, skont sorsi ta’ Newsbook qrib l-investigazzjoni, l-uffiċjal iddikjara mal-Pulizija li saritlu pressjoni minn Keith Schembri biex jimpjega lil Melvin Theuma.

Fil-Qorti, Melvin Theuma kien żvela li ssejjaħ f’Kastilja mis-Sindku Laburista tar-Rabat, Sandro Craus. Hawn hu ltaqa’ ma’ Keith Schembri, tah kafe’, tour tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fi tmiem dan kollu wegħduh xogħol.

Net News jinsab infurmat li wara li ħarġet ix-xhieda ta’ Melvin Theuma fil-Qorti, il-Ħamis filgħodu fl-uffiċċji tal-Awtorita, fil-Floriana, saret laqgħa bejn id-Diretturi biex jiddiskutu dan l-iskandlu.

Kien Net News ukoll li lbieraħ żvela li d-Direttur attwali tal-entita fejn kien “jaħdem” Theuma ssejjaħ mill-Pulizija fid-Depot biex ikun jista’ jiġi mitkellem. Dan apparti uffiċjali oħra relatati.

Fost dawn Tony Muscat, li kien imexxi din l-Awtorita sa riċenti, wara li kien appuntat minn dak li llum hu l-Ministru responsabbli mill-Pulizija; Michael Farrugia.