Internazzjonali

Franza: Jum ieħor ta’ kaos fost il-protesti kontra riforma fil-pensjonijiet

Il-ħaddiema li qed jopponu l-pjani għar-riforma tal-pensjonijiet li jrid idaħħal il-President Franċiż, Emmanuel Macron, issieħbu f’tieni jum ta’ azzjonijiet industrijali li affettwaw it-trasport pubbliku, l-iskejjel u s-servizzi mill-isptarijiet.

Il-poplu qiegħed jiffaċċja aktar intoppi għas-servizzi kruċjali, bil-ħaddiema jkomplu jesprimu rabja għall-imsemmija riformi li jridu jwasslu għal irtirar kmieni inkella sitwazzjoni fejn huma jkollhom jaċċettaw pagamenti anqas.

Ħarġu talanqas 800,000 dimostrant fit-toroq għall-protesti tal-Ħamis u meta seħħew numru ta’ konfronti mal-pulizija f’diversi bliet Franċiżi. Sadanittant, il-unions f’dan il-pajjiż sejħu biex, nhar it-Tlieta, isiru aktar dimostrazzjonijiet tal-massa.

Franza għandha 42 skema tal-pensjoni differenti applikabbli għas-settur pubbliku u s-settur privat u li jinkludu varjazzjonijiet f’aspetti li jirrigwardaw l-età tal-irtirar u benefiċċji. Filwaqt li l-President Macron jinsisti li jkunu aktar xierqa l-pjani tiegħu għal sistema ta’ pensjonijiet universali li tibbaża fuq il-punti, huma ħafna l-Franċiżi li ma jaqblux miegħu.

Il-mewġa tas-strajks dwar il-pjani ta’ Macron inkludiet ħaddiema ta’ diversi professjonijiet, inklużi tobba, ħaddiema tat-trasport u l-membri tal-iskwadri għall-emerġenzi. Filwaqt li l-Gvern qed jippjana ‘biex jieħu ħsieb l-azzjonijiet’ fi tmiem il-ġimgħa, il-unions impenjaw ruħhom biex ikomplu b’dan is-strajk sakemm il-President iwarrab il-wiegħda biex jirristrutturizza s-sistema għall-irtirar mix-xogħol.

Kelliema għad-dimostranti għamluha ċara li l-protesti se jkomplu ‘sakemm il-Gvern iċedi’. Dan meta fl-aħħar sigħat, tħassru ħafna servizzi tal-ferrovija, b’linji tal-ajru bħal Air France, EasyJet u Ryanair inaqqsu l-iskeda tat-titjiriet. Intant, baqgħu magħluqa talanqas disa’ fost is-16 il-linji tal-metro ta’ Pariġi, b’oħrajn jipprovdu servizzi limitati.