Lokali

GWERRA FIL-MIFTUĦ: “Mhux lest nipparteċipa f’ebda patt imxajtan” – Robert Abela

“Niddikjara li ma jien lest nipparteċipa f’ebda patt imxajtan li bih nixtri xi siġġu komdu għalija”. Hekk stqarr ftit tal-ħin ilu d-deputat Robert Abela, wara li fil-Lejber bdew il-manuvri ko-ordinati biex dawn fit-tmexxija iżommu l-kontroll assolut tal-partit f’idejhom.

F’messaġġ fuq Facebook, hu qal li l-għaqda tinżamm bl-onesta’ u l-irġulija u billi timxi bil-korrettezza. “Possibbli li minn dan l-inkwiet, għadna ma tgħallimna xejn?”, stqarr Robert Abela.

Dan hu t-tieni messaġġ f’ġurnata minn naħa tal-avukat Abela, illi kienet wieħed mill-akbar kritiċi tat-tmexxija ta’ Muscat – messaġġi li qed jaslu fil-jum illi fih Ian Borg se jlaqqa’ lin-nies, f’dik li tidher li hi l-ewwel attivita’ tal-kampanja tiegħu għal-leadership.

Intant fl-aħħar sigħat il-MaltaToday żvelat illi r-rabja ta’ Robert Abela fil-post li kiteb fuq Facebook kienet riżultat tal-fatt illi Keith Schembri qed jappoġja lil Ian Borg, kemm-il darba isir Deputat Mexxej ma’ Chris Fearne bħala Prim Ministru.

Dan il-“patt” ta’ Ian Borg spiċċa fl-apert u reġa’ ħoloq gwerra sħiħa fil-Lejber. Bir-raġuni ewlenija tkun illi ħafna ma jridux lil Keith Schembri ma saqajhom.

Keith Schembri għadu sal-lum jissemma’ fil-Qorti u ismu qed jitla’ ripetutament fil-każijiet li għaddejin, ilkoll marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.