Internazzjonali

Il-Polonja: Żjara sinifikanti minn Angela Merkel f’Auschwitz-Birkenau

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, żaret l-eks kamp tal-mewt ta’ Auschwitz-Birkenau, fl-inħawi ta’ Oswiecim, b’din tkun l-ewwel żjara tagħha bħala Kanċillier fis-sit fejn in-Nażisti qerdu għexieren ta’ eluf ta’ Lhud matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Waqt din iż-żjara, hi ħadet sehem f’ċerimonja, flimkien (fost oħrajn) mal-Prim Ministru Pollakk, Mateusz Morawiecki u persuna li rnexxielha tgħix miż-żmenijiet terribbli f’dan il-kamp. Ir-rapporti ssuġġerew li Merkel għażlet li tmur ‘issa’ f’Auschwitz f’każ li jkollha tispiċċa mill-poter aktar kmieni miż-żmien previst u meta kkonfermat li mhix se tikkuntesta għall-kariga ta’ Kanċillier fl-2021.

Iż-żjara fil-kamp hi wkoll sinifikanti minħabba li żdiedu s-sentimenti anti-Semitiċi fil-Ġermanja. Intant, qed jitħejja programm ta’ avvenimenti għall-75 anniversarju tal-liberazzjoni ta’ Auschwitz mit-truppi Sovjetiċi li jkun imfakkar fis-27 ta’ Jannar.

Il-Kanċillier Merkel għaddiet mill-entratura ta’ Auschwitz fejn jispikka l-messaġġ ‘Arbeit macht frei’ ( ix-xogħol jagħmlek ħieles) u, wara, qattgħet minuta f’silenzju quddiem il-Ħajt Iswed fejn eluf ta’ priġunieri sfaw esegwiti min-Nażisti. Minn hemm, Merkel marret fis-sit ta’ Birkenau fejn għamlet diskors għal din l-okkażjoni solenni.

Il-kmamar tal-gass u l-krematorji ta’ Auschwitz-Birkenau kienu nbnew f’territorju Pollakk li, fit-Tieni Gwerra, kienu okkupati min-Nażisti.

Jikkalkulaw li r-reġim ta’ Adolf Hitler qatel xi 1.1 miljmun persuna, fil-maġġoranza tagħhom Lhud, fil-kumplessi tal-mewt ta’ Auschwitz-Birkenau. Fost il-vittmi  kien hemm eluf kbar ta’ Pollakki li ma kenux Lhud; priġunieri tal-gwerra Sovjetiċi u membri tal-komunitajiet taż-żingari.

Dan meta mietu ‘il fuq minn sitt miljun Lhud fl-Olokawst – jew il-kampanja tan-Nażisti għall-qerda tal-popolazzjonjiet tal-Lhud fl-Ewropa.