Internazzjonali

Il-WHO tistqarr ‘falliment kollettiv’ fil-ġlieda kontra l-ħożba

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) irrappurtat li fl-2018 kważi 10 miljun persuna spiċċaw infettati mill-ħożba u li minnhom mietu 140,000 – fil-parti kbira tfal. Din il-marda feġġet f’kull reġjun tad-dinja u ċ-ċifri dwar l-effetti kienet imfissra bħala ‘xi ħaġa ta’ għajb’ mid-Direttur Ġenerali tal-WHO Tedros Adhanom Ghebreysus.

Skont l-Organizzazzjoni, il-maġġoranza tal-imwiet mill-ħożba fl-2018 kienu ta’ tfal taħt il-ħames snin li ma ngħatawx it-tilqim. Ghebreysus, intant, qal li ‘bilkemm jitwemmen li t-tfal jistgħu jmutu minn marda li wieħed kapaċi jilqa’ għaliha bit-tilqim, b’ dan irid jitqies bħala falliment kollettiv biex ikunu protetti l-aktar tfal vulnerabbli tad-dinja.’

Fl-istess ħin, il-WHO qed tgħid li l-pronostiku għall-2019 hu jerġa’ agħar minn hekk. Dan meta d-data proviżorja sa Novembru wriet żieda ‘ta’ tliet darbiet aktar’ fil-każi tal-ħożba meta paragunati mal-istess perjodu, fl-2018.

L-Istati Uniti  diġà rappurtat l-ogħla numru ta’ każi tal-ħożba għall-2019, milli qatt seħħew tul l-aħħar 25 sena. Matul l-2018, erba’ pajjiżi fl-Ewropa – l-Albanija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja u r-Renju Unit –tilfu l-istatus ta’ measles free (skont id-dikjarazzjoni preċedenti mill-WHO) wara li sofrew epidemiji kbar ta’ din il-marda.

Intant, epidemija tal-ħożba fis-Samoa ( fin-Nofsinhar tal-Paċifiku) infettat ’il fuq minn 4,200 persuna u qatlet  aktar minn 60, fil-parti kbira trabi u nisa. Dan fost il-kumplikazzjonijiet dovuti għal movement attiv kontra l-programmi tat-tilqim.

Fl-2018, l-agħar pajjiżi milqutin mill-ħożba kienu l-Liberja, l-Ukrajna, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Madagascar u s-Somalja, b’dawn il-pajjiżi, skont il-WHO, jammontaw għal kważi nofs il-każi kollha tal-ħożba madwar id-dinja.