Futbol Sport

Inter b’ċans li jerġgħu jinqabżu minn Juventus wara draw kontra Roma

(Ritratt: EPA)

Inter naqsu li jkabbru l-vantaġġ momentarjament għal erba’ punti hekk kif kienu miżmuma minn Roma fi draw ta’ mingħajr gowls. B’hekk huma jinsabu b’vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Juventus u għalhekk il-Bianconeri jistgħu jerġgħu jitilgħu fil-quċċata jekk jegħlbu lil Lazio għada.

Kienet logħba missielta bejn żewġ timijiet attenti, iżda Inter għandhom għalfejn iħossuhom sfortunati li ma kisbux it-tliet punti. Dan hekk kif fallew aktar minn okkażjoni waħda tad-deheb, bil-gowlkiper ta’ Roma Antonio Mirante jispikka diversi drabi.

Il-gowlkiper Taljan salva b’mod providenzjali fuq Romelu Lukaku wara seba’ minuti. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Marcelo Brozovic xeħet għoli minn qagħda tajba fit-43 minuta. Fil-bidu tat-tieni taqsima, ċans ieħor għal Matias Vecino li kien imċaħħad minn Mirante.

Roma kienu tattikament organizzati iżda ma kinux ta’ xi periklu serju għal Samir Handanovic, anki minħabba li l-attakkant Edin Dzeko daħal fit-tieni taqsima minħabba li ma kienx fl-aħjar kundizzjoni. Lejn it-tmiem, Inter kienu l-aktar tim li fittxew ir-rebħa iżda ma setgħux jinfdu lid-difiża ta’ Roma, taħt it-tmexxija ta’ Chris Smalling u speċjalment Gianluca Mancini li spikka f’aktar minn intervent wieħed.