Lokali

“Ir-riżenja ta’ Muscat kienet inevitabbli” – l-MDA

"Malta ma tistax tibqa' tippermetti din is-sitwazzjoni insostenibbli"

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) fi stqarrija nnotat b’dispjaċir l-iżviluppi riċenti li qed iseħħu fix-xena politika Maltija. Ir-riżenja ta’ Muscat minn Prim Ministru kienet deċiżjoni inevitabbli, meta wieħed iqis iċ-ċirkustanzi kollha li kienu żvelati.

L-MDA hija konxja li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma’ ġlieda għat-telgħa biex jirritornaw il-livelli għoljin ta’ standards etiċi u morali li pajjiżna tant jixraqlu.

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin tinsab konxja ħafna li l-mod ta’ kif ‘Malta qed tissemma fil-media internazzjonali – minħabba r-rivelazzjonijiet xokkanti reċenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – qed jagħmel ħsara għar-reputazzjoni ta’ Malta. Dan qed ikollu impatt negattiv fuq is-setturi kollha tal-ekonomija Maltija. Malta ma tistax tibqa’ tippermetti din is-sitwazzjoni insostenibbli.

L-MDA sostniet li sfortunatament, f’dawn l-aħħar snin rajna nies li nħakmu mir-regħba għall-gwadann personali tagħhom u konsegwenza ta’ dan, pajjiżna qed iħallas għal dawn l-iżbalji li saru.