Lokali

IWARRBU LIL ROBERT ABELA: “Għandna nappoġġjaw biss kandidat wieħed” – Glenn Bedingfield

Glenn Bedingfield

Id-Deputat Robert Abela għadu lanqas biss ħabbar il-kandidatura tiegħu għat-tmexxija tal-Partit Laburista iżda diġa spiċċa jitwarrab minn sħabu fi ħdan il-Partit Laburista.

F’messaġġ fuq Twitter, Glenn Bedingfield kien ċar u tond: “F’dan il-punt dawk kollha fi ħdan il-Partit Laburista għandhom iwarrbu l-interess personali. Għall-ġid ta’ pajjiżna, wasal iż-żmien li nappoġġjaw kandidat wieħed, Chris Fearne.”

Il-messaġġ ta’ Glenn Bedingfield jasal wara li l-Ministru Chris Fearne ħabbar il-kandidatura tiegħu b’mod uffiċjali, waqt li Ian Borg ħabbar li rtira u hu wkoll se jappoġġja lill-Ministru tas-Saħħa.

Dan ftit wara li Robert Abela, iktar kmieni, iddijara li hu mhux lest li jipparteċipa f’ebda patt imxajtan f’dak li jidher li hi botta għal pjan li kien qed jinħema biex Fearne ikun l-uniku kandidat, appoġġjat mill-ħabib ta’ Keith Schembri, Ian Borg li minflok jilħaq Deputat Mexxej.

Jidher li Robert Abela mhux lest li jaqbel ma’ dan il-pjan u minflok, hu wkoll qed jikkunsidra li jidħol fit-tellieqa għat-tmexxija. Madankollu, bid-Deputati sħabu li qed iwarrbuh, wieħed irid jara hux se jidħol għal din l-isfida.