Lokali

Jinħatar l-ewwel Avukat tal-Istati

Victoria Buttigieg se tokkupa r-rwol ta’ Avukat tal-Isat wara li ġiet rakkomandata b’mod unanimu minn Kummissjoni ta’ Ħatra wara sejħa pubblika.

Buttigieg se tkun l-ewwel persuna li qatt okkupat dan lir-rwol Kostituzzjonali ġdid li ġie maħluq bis-saħħa tal-Att XXV tal-2019.

Permezz ta’ din il-liġi, li ġiet approvata f’Lulju li għadda imma għad trid tidħol fis-seħħ sabiex jilħaq jiġi konkluż dan il-proċess ta’ għażla, tipprovdi għal separazzjoni sħiħa bejn il-funzjonijiet duppliċi li għandu llum l-Avukat Ġenerali.

Waqt li l-Avukat Ġenerali bis-saħħa ta’ din ir-riforma se jibqa’ jżomm ir-responsabbilitajiet ta’ prosekuzzjoni u materji kriminali li tipprovdi għalihom il-Kostituzzjoni u liġijiet oħrajn fil-kamp kriminali, l-Avukat tal-Istat se jibda jkun responsabbli għall-funzjonijiet kollha ta’ pariri lill-gbern u rappreżentanza legali fl-oqsma tal-liġi kostituzzjonali, ċivili u amministrattiva li sal-lum huma eżerċitati mill-Avukat Ġenerali. Il-Kummissjoni ta’ Venezja, fl-opinjoni tagħha dwar Malta tas-17 ta’ Diċembru, 2018, kienet ipproponiet is-separazzjoni tal-funzjonijiet duppliċi tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat tal-Istat se tgawdi l-istess livell ta’ protezzjoni u sigurtà fil-kariga (security of tenure) li jgawdu l-Membri tal-Ġudikatura u l-Avukat Ġenerali.

L-Avukat tal-Istat se tkun il-konsulent ewlieni tal-gvern f’materja ta’ liġi u opinjoni legali u se tkun marbuta li taġixxi fl-interess pubbliku u fis-salvagwardja tal-legalità tal-azzjonijiet tal-Istat.

L-Avukat tal-Istat se taqdi l-funzjonijiet tagħha permezz ta’ aġenzija indipendenti mwaqqfa bl-Att dwar l-Avukat tal-Istat.

Il-Kummissjoni ta’ Ħatra kienet immexxija mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia.

Victoria Buttigieg għandha 43 sena u ggradwat bħala avukat fl-2001.