Lokali

“L-instabbiltà u l-inċertezza qed joqtlu lin-negozju Malti” – GRTU

65% tan-negozji ddikjaraw li kellhom tnaqqis fil-bejgħ tagħhom. Minn dawn, 16% rreġistraw tnaqqis ta' iktar minn 50% fil-bejgħ.

Il-GRTU, li tirrappreżenta lin-negozji żgħar u medji f’Malta, fi stqarrija wissiet li l-kriżi politika attwali f’Malta qed titqies bħala xi ħaġa li għadha se taffattwana, meta n-negozji Maltin fil-verità diġa’ jinsabu għarkupptejhom.

Dan joħroġ minn studju tal-GRTU Chamber of SMEs, mifrux fuq negozji minn 50 settur ekonomiku differenti, u li juri li l-instabbiltà u l-inċertezza attwali qed joqtlu lin-negozju Malti.

L-istudju, deskritt bħala xokkanti, fi kliem il-GRTU juri l-ikbar tnaqqis minn fost l-istudji riċenti fil-bejgħ.

Tant hu hekk li l-istudju sab li 65% tan-negozji ddikjaraw li kellhom tnaqqis fil-bejgħ tagħhom. Minn dawn, 16% rreġistraw tnaqqis ta’ iktar minn 50% fil-bejgħ. Saħansitra kien hemm tnaqqis fil-bejgħ tal-mediċina.

46% tan-negozji ddikjaraw li qed jaħsbu mill-ġdid l-investimenti li kellhom ippjanati għas-sena d-dieħla jew saħansitra jipposponuhom jew jikkanċellawhom. 28% oħra jiddikjaraw li m’għandhomx pjan li jinvestu.

Fid-dawl ta’ dan, il-GRTU tagħmilha ċara li l-messaġġ tagħha mhux indirizzat lejn dawk li qed jipprotestaw imma lejn “min hu fil-poter li baqa’ jkaxkar saqajh fost kaos, teatrini politiċi u rgħiba għall-partit; li kienu iktar importanti għalihom minn Malta.”

Hawn il-GRTU, f’messaġġ ċar, tappella mill-ġdid lill-Prim Ministru biex, fi kliem il-membri tal-GRTU li pparteċipaw fis-survey jieqaf jirredikola lil Malta u jirriżenja mmedjatament, biex iġib stabbilta fil-pajjiż, governanza tajna, issir tindifa tajba, tiġi restawrata r-reputazzjoni ta’ Malta kif ukoll li jkun hemm messaġġ ċar li l-liġi hi ugwali għal kulħadd.