Lokali

L-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadhom għaddejjin

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li għalkemm diġà tressqu l-Qorti erba’ persuni b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin b’mod intensiv.

L-istqarrija tgħid li dawn l-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Iskwadra tal-Omiċidji, l-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Ekonomiċi u bil-kollaborazzjoni attiva tal-Europol. L-investigazzjonijiet kollha qed isiru taħt il-kappa tal-Inkjesta Maġisterjali. Kull informazzjoni li l-Pulizija ġabret f’dawn l-aħħar jiem qiegħda tiġi investigata.

Il-Korp tal-Pulizija qal li b’konnessjoni mal-investigazzjonijiet li għaddejjin, il-Pulizija wettqet u qed twettaq aktar tfittxijiet f’diversi postijiet. Filfatt qed jiġu mitkellma numru ta’ persuni oħra relatati ma’ dan il-każ.

Il-Pulizija tixtieq tiċċara li wieħed irid jifhem li minħabba s-sensittivita’ ta’ dawn linvestigazzjonijiet, il-Pulizija, f’dan l-istadju, mhiex qiegħda f’pożizzjoni li tagħti aktar dettalji, hekk kif jistgħu jippreġudikaw il-każ.