“Il-Mafja ta’ Kastilja” – hekk jaqra strixxun kbir li twaħħal fi Triq Nazzjonali fil-Floriana, propju biswit Bieb il-Bombi.
Dan l-istrixxun sar mill-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN), fejn f’messaġġ fuq Facebook qalu f’Malta il-mafja ħakmet lill-pajjiżna.
Fl-istrixxun wieħed jista’ jara lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, lill-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, lis-sid tal-kumpanija 17 Black u akkużat bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia Yorgen Fenech, il-Ministru Chris Cardona, il-middleman Melvin Theuma u l-Ministru Michael Farrugia.
Ma’ NetNews l-MŻPN qalu li kieku kellhom jagħmlu l-uċuh kollha li huma involuti fil-Mafja tal-Gvern ta’ Muscat, l-ebda strixxun ma kien iservi.
Malta bħalissa ilha wieqfa ‘l fuq minn ġimagħtejn b’kawża tal-aħħar żviluppi fl-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li fiha hemm implikati uffiċjali għolja tal-gvern.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-MŻPN qed tħeġġeġ biex il-poplu Malti jattendi bi ħġaru l-protesta ta’ nhar il-Ħadd fil-Belt Valletta. Protesta bl-għajta biex issir ġustizzja, biex tinħareġ il-verità u biex il-PM Joseph Muscat jirriżenja minnufih.
//= $special ?>