Lokali

UFFIĊJALI: Chris Fearne se jitfa’ ismu għat-tmexxija tal-Lejber

“Il-pajjiż u l-partit qed isejħulna b’ħerqa, għajta li qed tidwi ma’ l-erba’ rkejjen ta’ din l-Art Ħelwa. Jien din is-sejħa smajtha u se nirrispondi għaliha. Wara li tkellimt ma’ familti u numru kbir ta’ persuni, iddeċidejt li ser nitfa’ n-nomina tiegħi għall-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista.”

Il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne ħabbar il-kandidatura tiegħu permezz ta’ messaġġ fuq Facebook. Il-messaġġ tiegħu wasal ftit tal-minuti biss wara li d-deputat Robert Abela kixef il-patt li qed jitħejja fil-Lejber.

Fearne qed iwassal messaġġ ċar lill-Laburisti; li bih bħala Prim Ministru se jara li isem Malta jitnaddaf minn kull tebgħa. U temm billi qal “Jien Malti. Jien Laburist”.

Ftit tal-ħin wara, il-Ministru Ian Borg iddikjara li hu mhux se jikkontesta din l-elezzjoni interna u minflok se jkun qed joffri l-appoġġ tiegħu lil Chris Fearne.

Sorsi fi ħdan il-Partit Laburista qalu ma’ Net News li din id-dikjarazzjoni saret hekk kif Ian Borg, minflok, se jkun qed jikkontesta bħala Deputat Mexxej tal-Partit. Xi ħaġa li mistenni jkollu l-appoġġ ta’ Fearne għaliha, ladarba dan jilħaq mexxej.

Dan kollu joħroġ ftit wara li kandidat ieħor għat-tmexxija tal-Partit Laburista, Robert Abela, kiteb messaġġ fejn iddikjara li mhux lest jiffirma patt max-xitan.

Għalkemm ma rreferiex għalih b’ismu, jidher li kienet l-intenzjoni tad-delegati Laburisti li jpoġġu lil Ian Borg bħala deputat mexxej, hu li hu magħruf qrib ta’ Keith Schembri, li wasslet biex Abela jikteb dak li kiteb.