Lokali

“Xejn mhu se jżommni” – Ian Borg

Il-Ministru Ian Borg ikkonferma li illejla se jlaqqa’ n-nies f’attività soċjali, flimkien mal-familja tiegħu, fejn se jkompli jiltaqa’ ma’ aktar familji. Dan ħabbru permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu.

Ian Borg kiteb hekk: “Ser nibqa’ naħdem magħkom, bla heda, biex ma nħallu l-ebda interess negattiv, l-ebda xkiel, ikissrilna l-għaqda li ssaħħaħna, l-għaqda li xxettel is-suċċess.”

Fl-istess messaġġ, il-Ministru Ian Borg la ċaħad u lanqas ikkonferma jekk hux se jikkontesta għal Mexxej Laburista, biex jidħol flok Joseph Muscat.

“Fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin il-PL ser jieħu deċiżjonijiet importanti. L-appoġġ kbir tagħkom huwa l-kuraġġ tiegħi. Xejn m’hu se jżommni milli nagħmel dak kollu possibbli, biex flimkien nibqgħu nirnexxu”.

Sa issa, l-aktar isem li qed jispikka fit-tellieqa għal-leadership hu dak ta’ Chris Fearne.