“Biex pajjiżna joħroġ mill-kriżi li jinsab fiha, żewġ affarijiet iridu jsiru: Li ssir ġustizzja fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u kulmin ippromwova l-korruzzjoni għandu iwarrab minnufih.” Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’messaġġ lin-nazzjon is-Sibt waranofshinar li xxandar fuq Net Television u li matulu elenka 15-il proposta sabiex il-pajjiż ma jerġax jgħaddi mill-kriżi politika li għaddej minnha f’dawn il-ġranet.
Adrian Delia tenna li Joseph Muscat hu kompromess b’mod komplet u minn issa, kull vot favur tiegħu hu att ta’ kompliċita.
Uħud minn dawn il-proposti diġa’ kienu preżentati fid-Dokument dwar il-Governanza Tajba ippubblikat mill-PN fl-2015 u miegħu żdiedu oħrajn.
Il-proposti fil-qosor:
- Tisħiħ tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni – Titwaqqaf taqsima fi ħdan il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, tingħata l-poter li tinvestiga u tmexxi fuqhom fil-Qrati.
- Qrati li jispiraw fiduċja – Il-Prim Imħallef jiġi maħtur biż-żewġ terzi tal-Parlament u l-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti ikun iffurmat minn erba’ ġudikanti magħżula mill-ġudikatura stess, l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali, u l-Kummissarju għall-Istandards. Kultant żmien, dan il-Kumitat joħroġ sejħa u dawk interessati joqogħdu għal intervista. Il-Kumitat jgħaddi tliet ismijiet meqjusa idoneji għal kull ħatra u l-Kabinett irid jagħżel bilfors minnhom.
- Finanzjament tal-Partiti mill-Istat – Tiddaħħal sistema ta’ finanzjament tal-partit politiċi mil-iStat sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom fl-interess pubbliku mingħajr dipendenza jew kunflitt ta’ interess.
- Xandir Imparzjali, Edukattiv u Serju – Ix-xandir tal-Istat ikun sorveljat minn Awtorita tax-Xandir tassew indipendenti u b’saħħitha. L-istess Xandir ikun awtonomu mill-Gvern li jassigura li l-veduti ta’ kulħadd jitwasslu b’mod bilanċjat u jassigura level playing field.
- Ħarsien Sħiħ tal-Ġurnaliżmu Investigattiv – Isir Fond biex jgħin media houses indipendenti skont formula li jassigura u jiggarantixxa indipendenza assoluta mill-Gvern tal-ġurnata.
- Parlament u Parlamentari li jilleġisla u jiskrutinja b’mod awtonomu – Tiġi revokata u mħassra il-liġi li għadda l-Gvern li tħalli lil Deputati li m’humiex Ministri jew Segretarji Parlamentari jieħdu salarju u pożizzjoni mal-Gvern.
- Ħatra tal-President tar-Repubblika, President tan-Nazzjon – Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi tibdil Kostituzzjonali sabiex il-l-ħatra tal-President tar-Repubblika issir bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.
- Awtoritajiet b’garanzija ta’ indipendenza – Awtoritajiet imwaqqfa bil-Kostituzzjoni ikollhom Chairperson maħtur bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Parlament
- Avukat Ġenerali B’Garanzija ta’ Indipendenza u Sinsla – Jinbidel il-mod kif jiġi appuntat l-Avukat Ġenerali billi jinħatar bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Kamra.
- Forzi Dixxiplinati, Indipendenti u Tajbin – Jinħatar kumitat ta’ esperti mhux politiċi, bil-kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra, li jirrapporta dwar il-passi meħtieġa biex tkun assigurata l-indipendenza u l-effettivita’ tal-Pulizija u l-Armata b’enfasi fuq il-mod kif jinħatru l-Kap Kmandant tal-Armata u l-Kummissarju tal-Pulizija.
- Awditur Ġenerali li jifli kollox u fil-ħin – Il-Parlament jgħaddi lill-Awditur Ġenerali ir-riżorsi u l-finanzi meħtieġa biex jassigura u l-verifiki u r-rapporti isiru fi żmien iktar qasir. L-istess Parlament għandu jiddedika iktar ħin u riżorsi biex jifli u jiddiskuti r-rapporti tal-Awditur u jsegwi r-rakkomondazzjonijiet tiegħu.
- Tisħiħ tas-soċjeta’ ċivili – L-MCESD jiġi msaħħaħ u jingħata iżjed awtonomija mill-Gvern u l-Gvern ikun osservatur f’din l-istituzzjoni. Possibilita’ ta’ secondment ta’ uffiċjali pubbliċi skont id-daqs u x-xogħol tas-soċjeta’.
- Trasparenza fil-ħidma tal-Gvern – Qed jiġi propost li kull kuntratt pubbliku li jiffirma l-Gvern fejn possibbli ikun ippubblikat fl-intier tiegħu. Fejn dan ma jkunx possibbli, għandhom isiru arranġamenti sabiex ikun hemm aċċess għad-dokument sħiħ għall-Membri Parlamentari.
- Tieqaf l-iskema taċ-Ċittadinanza – Tieqaf b’mod immedjat l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.
- Pożizzjonijiet ta’ Fiduċja – L-abbuż qawwi minn dan il-provvediment fl-aħħar sitt snin għandu jitwaqqaf. Qed jiġi propost li jiġi stabbilit liema pożizzjonijiet jistgħu jimtlew b’dan il-mod inkluż f’segretarjati privati. Karigi fi rwol eżekuttiv għandhom jimtlew wara sejħa pubblika.
B’dawn il-poposti, temm Adrian Delia, il-PN qed jagħti kontribut b’mod prattiku sabiex pajjiżna ma jerġax jidħol fi kriżi bħal din u jkun assigurat il-ġid komuni.
//= $special ?>