Futbol Sport

Jispikka llum id-derby ta’ Manchester

(Ritratt: Premier League)

F’dan l-istadju tal-kampjonat, Manchester City ma jistgħux jitilfu aktar punti jekk iridu jibqgħu b’ċans li jirbħu l-kampjonat għat-tielet staġun konsekuttiv. Huma se jkunu qed iħarsu lejn tliet punti fid-derby ta’ Manchester li tkun tfisser ir-raba’ rebħa konsekuttiva f’darhom. L-inkonsistenza kkaratterizzat l-istaġun ta’ Manchester United. Fost il-ġimgħa huma rebħu kontra Tottenham u rebħa f’dan il-konfront tista’ verament iddawwar l-istaġun tagħhom.

Hu fatt magħruf li r-Red Devils kellhom riżultat pożittivi kontra t-timijiet il-kbar. Minbarra r-rebħa kontra Tottenham, f’dan il-kampjonat għelbu lil Chelsea u Leicester filwaqt li hu l-uniku tim li tellef il-punti lil Liverpool, b’dawn il-logħbiet kollha ntlagħbu f’darhom. Manchester City għandhom ċans li jsiru l-ewwel tim li jegħleb lil Manchester United b’tal-anqas żewġ gowls għal tliet logħbiet konsekuttivi minn żmien Liverpool bejn l-1978 u l-1979.

Tottenham se jħarsu li jirritornaw għar-rebħ wara li sfaw megħluba minn Manchester United fost il-ġimgħa. Il-manager Josè Mourinho qed ifittex risposta mill-plejers b’konfront fit-Tottenham Hotspur Stadium kontra Burnley. Minn Jannar tal-1983, Tottenham rebħu seba’ mit-tmien logħbiet f’darhom kontra Burnley. Iżda t-tim ta’ Sean Dyche rebaħ l-aħħar konfront f’Turf Moor fi Frar li għadda.

Everton għandhom konfront diffiċli f’Goodison Park kontra Chelsea. Huma se jidħlu għal din il-logħba f’era ġdida wara t-tkeċċija tal-manager Marco Silva. Fil-preżent jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni, sitwazzjoni totalment differenti mill-għanijiet tagħhom. Chelsea rritornaw għar-rebħ fost il-ġimgħa u se jfittxu s-sitt rebħa barra minn darhom f’dan l-istaġun. It-tim ta’ Frank Lampard jinsab fir-raba’ post u għandu l-pressjoni li jżomm it-timijiet ta’ warajh distakkat minnhom.

Konfront interessanti se jkun dak tat-Tnejn filgħaxija fil-London Stadium bejn West Ham u Arsenal. Iż-żewġ timijiet ġejjin minn perjodu negattiv, b’West Ham jinsabu żewġ punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni wara li kisbu rebħa biss fl-aħħar ħames logħbiet. Arsenal fuq in-naħa l-oħra ma rebħux fl-aħħar ħames logħbiet u ġejjin minn telfa f’darhom kontra Brighton. Din it-telfa kompliet tkabbar il-ferità tal-partitarji filwaqt li tpoġġi pressjoni fuq it-tmexxija tal-klabb biex jaħtru manager permanenti mill-aktar fis possibbli, hekk kif fil-preżent jinsabu 10 punt bogħod mir-raba’ post.

Premier League

Illum: Everton v Chelsea 1.30pm, Bournemouth v Liverpool 4.00pm, Tottenham v Burnley 4.00pm, Watford v Crystal Palace 4.00pm, Manchester City v Manchester United 6.30pm

Għada: Aston Villa v Leicester 3.00pm, Newcastle v Southampton 3.00pm, Norwich v Sheffield United 3.00pm, Brighton v Wolves 5.30pm

It-Tnejn: West Ham v Arsenal 9.00pm