Lokali

“Malta fi Kriżi Kostituzzjonali bla Preċident” – Profs Kevin Aquilina

“Malta tinsab fi kriżi kostituzzjonali bla preċident”. Dan qalu l-Professur Kevin Aquilina, l-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta, f’artiklu li kiteb fuq The Times of Malta.

Hu qal li bħalissa ninsabu f’sitwazzjoni fejn kollox hu wieqaf: il-Gvern innifsu, li m’għadux jiffunzjona u l-Parliament wieqaf bl-iskuża tal-Festi tal-Milied, filwaqt li l-kummerċ kulma jmur qed jonqos. Madankollu, l-inkwiet u t-tħassib fost il-poplu saru kważi xi ħaġa normali.

Il-Professur Aquilina saħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħa rwol dittatorjali, fejn filwaqt li jibqa’ jindaħal fl-investigazzjonijiet, jieħu diversi deċiżjonijiet waħdu, mingħajr konsultazzjoni tal-Kabinett.

Kompla li anke ċ-Ċivil inħakem totalment minn Muscat u persuni qrib tiegħu, hekk kif Mario Cutajar, il-Kap taċ-Ċivil, ingħata żewġ xogħolijiet – xi ħaġa li tmur kontra l-Kostutizzjoni.

L-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta dawwar ħarstu lejn il-Ġudikatura, fejn innota li ħafna mill-ħatriet kienu politiċi. U dan minkejja l-wegħda li kien għamel il-Gvern ta’ Muscat, li l-ħatriet isiru fuq bażi ta’ mertu.

Dan l-indħil jimmina l-indipendenza tal-istituzzjonijiet per eċċellenza, filwaqt li l-prinċipji tas-separazzjoni tal-poteri tibqa’ ineżistenti. Il-poter assolut jinsab f’idejn persuna waħda –ħadd ħlief il-Prim Ministru.

Il-Professur Aquilina sostna li rapporti mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika mhux biss qed jiġu injorati, iżda l-Gvern qed jara kif jagħmel biex dawn jitħassu u ma jidhrux fil-pubbliku.

L-istess qed isir mir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, ir-rapporti tal-Moneyval, tal-Greco u tal-Parliament Ewropew. Qal li jibqa’ mħasseb kif quddiem dan kollu, il-Gvern jibqa’ ma jieħu l-ebda azzjoni politika.

Il-Professur Aquilina wera kif ma teżistix it-trasparenza fil-kuntratti tal-Chairmen u kif dawn jiġu negozjati, filwaqt li l-proġetti tal-Gvern mhux isiru b’mod miftuħ. Hu kompla jisħaq li l-prinċipju tas-Saltna tad-Dritt kienet u għadha ineżistenti għax li kieku dan il-prinċipju kien verament jeżisti f’pajjiżna, malajr konna nindunaw li Malta mhix tilħaq l-istandards mixtieqa minn kulħadd.