Lokali

Muscat f’laqgħa privata mal-Papa

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu laqgħa privata mal-Papa Franġisku.

Il-laqgħa kellha tkun waħda uffiċjali, bil-preżenza tal-media, bħal meta laħaq Prim Ministru fl-2013. Madankollu dan ma kienx il-każ din id-darba wara li s-Santa Sede talbet li din tinbidel għal laqgħa privata.

Dan kollu seħħ fid-dawl tal-kriżi li pajjiżna jinsab fiha, b’Muscat jiffaċċja pressjoni mis-soċjetà ċivili biex jiriżenja minnufih wara l-involviment taċ-Chief of Staff tiegħu u ta’ Ministru qrib tiegħu fil-korruzzjoni waqt li kienu fil-karigi rispettivi.

Madankollu, hu qed jagħżel li jibqa’ ggranfat mas-siġġu u jaġixxi daqslikieku kollox hu business as usual.

Sorsi li tkellmu ma’ NET News qalu li fil-Vatikan kien għaddej il-ħsieb li l-laqgħa bejn il-Kap tal-Knisja Kattolika u Muscat titħassar għalkollox. Madankollu, kien deċiż li l-laqgħa ssir għax il-Papa jħoss li għandu jiltaqa’ ma’ kulħadd – mat-tajjeb daqskemm mal-ħażin.

Matul iż-żjara tiegħu f’Ruma, Muscat kellu jiltaqa’ wkoll mal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, li min-naħa tiegħu ħassar din il-laqgħa għax ma riedx jiltaqa’ mal-Kap tal-Gvern Malti.

Sadanittant, matul il-laqgħa privata mal-Papa, Joseph Muscat kien akkumpanjat minn membri tal-familja tiegħu.