Lokali

Robert Abela jikkonferma li se joħroġ għat-tmexxija tal-Partit Laburista

Robert Abela, id-Deputat Laburista u Konsulent tal-Prim Ministru fil-Kabinett, ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jikkontesta l-kariga ta’ Mexxej u eventwalment Prim Ministru Laburista.

Fuq Facebook, Abela qal li b’umiltà ddeċieda li jieħu dan il-pass grazzi għall-imħabba tal-poplu u l-appoġġ tal-familja. Għaldaqstant, hu qal li wieġeb iva għas-sejħa qawwija tan-nies. Robert Abela temm li se jara li jżomm ħajja l-fjamma li tagħmel lil kull Laburist kburi bil-pajjiż u bil-Partit Laburista.

Minn tal-ewwel li rreaġixxiet għall-post kienet is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia, li bħalma għamlet lil Chris Fearne, awgurat lil Robert Abela wkoll għan-nomina tiegħu.

Bl-intenzjoni ta’ Robert Abela li jikkontesta għat-tmexxija Laburista, jidher li se jkun qed ifalli l-pjan tal-Partit Laburista li ma jkunx hemm kontestazzjoni. Dan hekk kif fil-jiem li għaddew ingħad li fil-Partit kien qed jinħema l-pjan li Chris Fearne ma jkunx kontestat għall-kariga ta’ Mexxej, filwaqt li Ian Borg u Robert Abela ma jkunux kontestati għall-karigi taż-żewġ Deputati Mexxejja.

Madankollu, Abela mill-ewwel deher li ma jaqbilx ma’ dan il-pjan, li fuq Facebook sejjaħlu “imxajtan”.

Dwar dan, l-eks Sindku Laburista tar-Rabat Charles Azzopradi pprova jirredikola l-pożizzjoni li ħa Robert Abela billi allega li dan il-pjan kien iffirmat minn martu Lydia, li hi s-Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista.