Lokali Qtil Politiku

Sostenn lill-operat tal-PN fil-ġlieda għall-Ġustizzja

Il-fondi miġbura mill-Maratona tal-Ħadd se jmorru biex jissaħħaħ l-operat tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-ġlieda tal-poplu Malti għall-Ġustizzja

Kollox jinsab lest biex il-Ħadd tinżamm Maratona Ġbir ta’ Fondi importanti għall-Partit biex isaħħaħ l-operat tiegħu u jkun jista’ jiġġieled għall-ġustizzja fil-pajjiż.

Ma’ Il-Mument, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli spjega l-għażla tat-tema għal din il-Maratona: Ġustizzja.

 “Ġustizzja lil għaliex bħalissa jinħass ħafna n-nuqqas tagħha. Naħseb l-aħħar avvenimenti li seħħew fl-aħħar ħmistax, bil-mod drammatiku li seħħew, juru ċar li hemm xibka ta’ korruzzjoni mdawwra ma’ Kastilja li pproteġiet lill-korrotti u lill-kriminali. U dan mhux tajjeb għal pajjiżna u dan mhux aċċettabli għalina li nemmnu li għandu jkun hemm ġustizzja.”

Għalhekk, bl-użu għaqli tad-donazzjonijiet, partikolarment hi l-ħtieġa għall-investiment fil-media tal-Partit biex jitwassal l-aqwa servizz u servizz modern lil min isegwina.

 “Qed ninvestu  f’sett ta’ kameras ġodda u f’apparat teknoloġiku għal-librerija. Ħafna minn nies jgħidulna biex infakkru x’qal dak il-persuna f’dik is-sena, infakkru x’qal il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ qabel. Biex nagħmlu dan irid ikollok l-għodda neċessarja u bħalissa ukoll bdejna nagħmlu l-investimenti tagħna anki fil-libreriji diġitali li tgħinna nagħmlu r-riċerka tagħna. Allura mhux biss tgħinna nagħmlu politika tajba u aħjar , imma tgħinna aktar biex nikkomunikawha aħjar.”

Din il-Maratona se tkun qed tgħin lill-Partit Nazzjonalistsa jsaħħaħ il-ġlieda tiegħu billi jsaħħaħ l-operat tiegħu. Għalhekk l-appell għall-ġenerożità tal- Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba biex jgħinu fit-tisħiħ tad-demokrazija, il-ġustizzja u l-governanza tajba f’soċjetà li jimpurtaha.

 “Għandna bżonn l-għajnuna biex il-messaġġ tagħna nistgħu nikkomunikawh b’mod tajjeb, biex inkunu hemm waqt il-protesti u biex nirribattu l-propoganda qarrieqa tal-Gvern. Mingħajr l-għajnuna li jtuna dawk in-nies, aħna ma nistgħux naslu.”