Lokali

100 sena mit-twaqqif tal-MUT

Il-Ġimgħa filgħaxija, l-MUT iċċelebrat il-100 anniversarju mit-twaqqif tagħha, bil-kxif ta’ monument imsemmi “L-edukazzjoni tittrasforma l-persuna u tiftaħ bibien ġodda’.

L-iskultur tal-monument Chris Ebejer spjega l-proċess li wassal għall-prodott aħħari, bis-sinifikat tal-monument fost oħrajn jikser sterjotipi tal-idea tradizzjonali ta’ għalliema mara u tfal wara bank jistudjaw.

Wara t-tifla studenta li qiegħda taqra’, fl-iskultura hemm bieb miftuħ li jissimbolizza moħħ miftuħ li jiġi mill-edukazzjoni, u madwarha hemm il-friefet itiru, li huma simboli ta’ għerf.

Il-monument huwa permanenti fil-’Mall’ tal-Floriana, viċin ħafna l-iskola primarja ta’ San Ġorġ Preca, fejn kienet saret l-ewwel laqgħa tal-MUT fl-1919.

Tul is-serata, tkellem il-President tal-MUT, Marco Bonnici, li fid-diskors tiegħu semma’ kif Malta ma tinsabx fi zmien normali, iżda jixtieq li n-normalità tinkiseb kemm jista’ jkun malajr… u b’hekk l-MUT baqgħet għaddejja biċ-ċelebrazzjoni tagħha.

Marco Bonnici tkellem ukoll dwar l-isfidi li affacjat l-MUT tul is-snin, iżda wkoll dwar il-viżjoni li għandha sabiex tibqa’ miexja ‘l quddiem.

Preżenti wkoll kien hemm il-President tar-Repubbilka George Vella, li tkellem dwar is-sinifikat storiku tal-MUT li kienet l-ewwel Union li twaqqfet f’Malta wara l-irvellijiet tal-1919.Preżenti ghal din is-serata kien hemm fost l-ohrajn is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli, li hu l-Kelliem tal-PN ghall-Edukazzjoni.