Sport Sport Ieħor

Anthony Joshua jpatti għat-telfa li sofra sitt xhur ilu f’New York

(Ritratt: The Independent)

Anthony Joshua patta għad-diżappunt ta’ sitt xhur ilu f’New York meta għeleb lil Andy Ruiz Jr biex reġa’ kiseb it-titli IBF, WBA u WBO. Il-ġlieda kienet ripetizzjoni ta’ dik li saret f’Ġunju. Quddiem 15,000 spettatur fl-Arabja Sawdija, Joshua rebaħ b’deċiżjoni unanima, bi prestazzjoni dixxiplinata u kkontrollata u fl-istess ħin konxju tal-ħsara li jista’ jagħmel Ruiz.

Joshua kellu jgħaddi minn mument diffiċli fit-tmien rawnd meta sofra daqqiet ta’ Ruiz, simili għad-daqqiet li għenuh jirbaħ l-ewwel darba. Iżda din id-darba, Joshua baqa’ sod u rkupra. Joshua deher aktar rilassat u kien aħjar fl-ewwel fażijiet tal-logħba. Iżda Joshua sofra minn daqqa fuq għajnejh fit-tieni rawnd, għalkemm ma weġġax serjament. Il-boxer Ingliż baqa’ jiċċaqlaq malajr u jżomm id-distanza mal-avversarju kif jixtieq hu.

Lejn tmiem ir-raba’ rawnd, Ruiz laqat lil Joshua b’overhand filwaqt li Joshua laqat lil Ruiz b’hook fis-sitt rawnd. Lejn tmien dan ir-rawnd, Ruiz kellu żewġ daqqiet illegali li ħallew lil Joshua jħares. Fir-rawnd ta’ wara, il-Messikan deher ftit frustrat u fit-tmien rawnd, Ruiz laqat b’daqqiet sodi fil-ġenb ta’ ras Joshua. L-Ingliż kellu jassorbi ftit aktar pressjoni fid-disa’ rawnd għalkemm baqa’ fuq siequ.

Kienet il-kwalità u l-finezza ta’ Joshua li għenitu biex isir champion tal-heavyweight għat-tieni darba fil-karriera. Joshua ħareġ rebbieħ b’deċiżjoni unanima u b’hekk ingħaqad ma’ leġġendi tal-boxing bħal Muhammad Ali, Mike Tyson u Lennox Lewis li kienu rebħu mill-ewwel wara li sofrew telfa. Fl-intervista ta’ wara l-ġlieda, Joshua wera rispett lejn Andy Ruiz li fuq in-naħa tiegħu, ta ħjiel li jrid ikun hemm it-tielet ġlieda, b’Anthony Joshua ma jidhirx li hu kontra dan il-ħsieb.