Lokali

Flimkien f’vuċi waħda għall-ġustizzja – Adrian Delia

“Nittama li verament naslu għall-għanqbuta u f’ras il-għajn, fejn issir investigazzjoni li ma tħares lejn wiċċ ħadd biex nibdew proċess għan-normalità f’pajjiżna. Flimkien f’vuċi waħda għall-ġustizzja.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien mistoqsi dwar l-arrest tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri waqt il-maratona ġbir fondi tal-PN bit-tema Ġustizzja. 

Adrian Delia qal li min qed jinvestiga dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għandu jkollu l-kuraġġ li jasal sal-aħħar għax warajh se jsib l-appoġġ u d-difiża ta’ pajjiż sħiħ li jrid li ssir il-ġustizzja. Huwa qal li filwaqt li għaddejjin minn kriżi, dak li se jiġi wara Joseph Muscat diġa’ qed juri li huwa ħaġa waħda miegħu, u jekk mhux se jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex Joseph Muscat jitlaq immedjatament u l-pajjiż jirritorna għan-normalità, se tkun qed taqa’ l-maskra tal-Partit Laburista li mhu se jinbidel xejn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta pajjiżna jinsab għaddej minn kriżi politika, huwa d-dmir tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni li jiddiskuti mal-imsieħba socjali u jisma’ l-perspettiva tagħhom.

Huwa qal li t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni delikata li hawn bħalissa f’pajjiżna, li għaddej minn kriżi Kostituzzjoni u istituzzjonali, esprimieh ukoll mad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet Malta fil-jiem li għaddew. Din mhix sitwazzjoni normali u ma nistgħux naġixxu daqslikieku business as usual

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jagħti s-sehem sħiħ biex inreġġgħu lil pajjiżna fit-triq tas-sewwa fejn Malta terġa’ tgawdi mir-rispett u l-fiduċja. Għalhekk l-Oppożizzjoni qed tressaq 15-il proposta biex jissaħħu l-istituzzjonijiet, jkun hawn separazzjoni vera tal-poteri u biex pajjiżna jirritorna għan-nomalità.

Dawn il-proposti jitrattaw il-ħatra tal-President, l-Qrati, l-Parlamentari, l-Avukat Ġenerali, l-Awditur Ġenerali, l-Forzi Dixxiplinati, l-Awtoritajiet, l-finanzjament tal-partiti u x-xandir fost l-oħrajn. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li b’dawn il-proposti, l-Oppożizzjoni qed turi l-kuraġġ li tgħid li Prim Ministru ta’ Gvern Nazzjonalista ġdid ma jkollux il-poteri kollha f’idejh bħalma għandu Joseph Muscat, imma li jinsab lest li jmexxi taħt skrutinju għad-difiża tal-poplu u tal-ġustizzja.