Internazzjonali

Hong Kong: Mewġa ġdida ta’ dimostrazzjonijiet

Mandatory Credit: Photo by Vincent Thian/AP/Shutterstock (10494538m) Pro-democracy protesters march on a street in Hong Kong, . Marchers are again expected to fill Hong Kong streets Sunday in a rally that will test the enduring appeal of an anti-government movement marking a half year of demonstrations Protests, Hong Kong, Hong Kong - 08 Dec 2019

Għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti mmarċjaw f’Hong Kong, meta l-pulizija – għall-ewwel darba minn Awwissu – ippermettiet li jsir rally mingħand is-Civil Human Rights Front li hu wieħed mill-akbar gruppi favur id-demokrazija f’dan it-territorju semi-awtonomu. Intant, il-pulizija kkonfermat li saru diversi arresti waqt numru ta’ rejds qabel dan ir-rally u li fihom l-uffiċjali konfiskaw arma tan-nar.

Il-protesti, li bdew f’Ġunju, kienu jirrigwardaw abbozz kontroversjali għall-estradizzjoni tar-residenti ta’ Hong Kong lejn iċ-Ċina f’każ li huma jkunu suspetti dwar xi reat. L-abbozz, maż-żmien, twarrab iżda d-dimostrazzjonijiet popolari komplew u żvolġew fi protesta ‘aktar imqanqla’ kontra l-awtorità ta’ Hong Kong li għandha l-appoġġ taċ-Ċina.

Sadanittant, il-Gvern ta’ Hong Kong, fi tmiem il-ġimgħa, sejjaħ għall-kalma fejn qal li ‘tgħallem lezzjoni u li se jisma’ u jaċċetta l-kritika’.

L-organizzaturi tad-dimostrazzjonijiet mas-Civil Human Rights Front qalu, iżda, li l-Gvern għandu ‘l-aħħar ċans’ biex jilqa’ d-domandi tan-nies għal inkjesta indipendenti dwar ‘il-mezzi brutali’ tal-pulizija waqt il-protesti u biex il-persuni arrestati jingħataw amnestija. Sejħa oħra sinifikanti hi biex isiru l-elezzjonijiet ħielsa fit-territorju ta’ Hong Kong.